L-20 Ħadd matul is-sena A
Is-silta tal-lum turi li l-fidi, li hi rigal ta’ Alla, ma tingħatax lil razza ta’ nies partikulari. Anki xi ħadd meqjus pagan bla fidi jista’ jkollu fidi bil-bosta aqwa minn min jippretenti li għax hu membru tal-poplu ta’ Alla hu mimli biha. Anzi hawn il-Vanġelu joħloq kuntrast bejn in-nuqqas ta’ fidi tal-Lhud, bħala poplu, li ma emminx f’Ġesù bħala l-“Mulej, Bin David”, u din il-mara barranija li kellha fidi sħiħa fih daqs il-blat. Ġesù kien jinsab fl-inħawi tal-bliet ta’ Tir u Sidon, ’il barra mit-territorju tal-Artijiet Imqaddsa, mela ’il barra mill-barka ta’ Alla, kif kienu jemmnu l-Lhud. Il-mara minn dawk l-inħawi kienet Kangħanija, suppost nieqsa mill-fidi. Iżda lil Ġesù sejħitlu “Mulej, Bin David”, mela kienet temmen fih bħala “Mulej” u bħala “Messija” – l-espressjoni “Bin David” tfisser “Messija”. Mhux hekk biss, talbitu jħenn għaliha u jkeċċi minn bintha xitan li kien iħabbatha. Iżda Ġesù ried iġarrabha, u wara waqtiet ta’ skiet, ħareġ b’dawk il-kelmiet kiefra: “Ma ntbgħattx ħlief għan-nagħaġ li ntilfu mid-dar ta’ Israel.” Mhux biss, imma sejħilha “ġerwa”. Il-Lhud lill-pagani kienu jsejħulhom klieb. Il-mara, tant kienet umli u mimlija bil-fidi li baqgħet tinsisti: “Iżda l-ġriewi wkoll jieklu l-frak li jaqa’ minn fuq il-mejda ta’ sidienhom!” “Mara, il-fidi tiegħek kbira! Ħa jsirlek kif tixtieq.” Biex naqilgħu l-grazzji mingħand Alla rridu nkunu mimlija bil-fidi, bl-umiltà, bis-sabar, u ma naqtgħu qalbna qatt.