L-20 Ħadd matul is-sena - Sena A
ĠESÙ U L-KANGĦANIJA
Israel kien iqis ruħu bħala poplu maħtur, li Alla għażlu minn fost il-popli l-oħra. Uħud kienu jżidu: biex juri lid-dinja l-wiċċ veru ta’ Alla. Ir-rabbini kienu jgħidu li fi ġnien ta’ siġar li ma jagħtu ebda frott, is-sid sab l-unika rummiena li, bil-merti tagħha, qatagħha li jsalva s-siġar kollha.
Il-Kangħanija tixbahna. Mhijiex dixxipla, ma tantx jimpurtaha min hu Ġesù, x’jagħmel, x’jgħid. Għandha problema kbira u Ġesù, jgħidu, jista’ jsolviha. X’riedet aktar? U baqgħet tinsisti, bħalma jsir mal-allat, mal-guru. Bil-qima u l-ħlewwa, biex togħġob, biex tikkonvinċi. Kif nagħmlu aħna meta, kiesaħ u biered, insibu quddiemna xi problema kbira, u minnufih, nitħeġġu: nibdew ngħidu rużarju wara ieħor, inwiegħdu pellegrinaġġi, nixegħlu xemgħat tal-wegħda biex nikkonvinċu lil alla b’moħħu mtajjar idawwar ħsiebu lejna. U hu hemm, f’dak il-waqt, li Alla jibqa’ sieket. Għaliex għandu jagħti kasna? L-ewwel irid idur b’uliedu! Bid-dixxipli tiegħu! L-imġiba ta’ Ġesù hi daqqa ta’ ħarta liema bħalha lill-Kangħanija. U hi x’għamlet? Jien kont nieħu għalija, u kont nitlaq ’l hinn u nisħet lil dak il-profeta arroganti. Iżda l-mara mhux hekk għamlet, irriflettiet. Għandu raġun, tabilħaqq. Hi sewwasew kelb għax talbet favur bla ma kellha jedd għalih, bla ma qatt dehret. L-Imgħallem għandu raġun. Iżda kultant anki l-klieb jistgħu ilaqqtu l-frak li jaqa’ mill-mejda tal-ulied. Issa Ġesù jitbissem. Din il-mara fehmet. Tista’ ssir dixxipla.