L-20 Ħadd matul is-sena Ċ
ĠESÙ JIFRED
L-ewwel taqsima tas-silta turina l-ħeġġa ta’ Ġesù li jagħmel dak li kellu jagħmel: isalva d-dinja. In-nar li ġie jqiegħed fuq l-art huwa n-nar tal-imħabba ta’ Alla. Iżda tissemma wkoll il-magħmudija. Hija l-magħmudija tad-demm. Ġesù ġie fid-dinja biex ixerrred demmu għas-salvazzjoni tad-dinja. Fit-tieni taqsima Ġesù jgħid ħaġa reali iżda li tista’ tfixkel lil xi wħud. Hu, li hu l-Prinċep tal-Paċi, li ġie fid-dinja biex jgħaqqad il-bnedmin ma’ Alla u bejniethom, hawn jgħid li ġie biex iġib il-firda. Hekk hu! Għax lilna ħalliena ħielsa naċċettawhx jew le. U dak li qal hu stess f’din is-silta seħħ tabilħaqq fil-mixja tal-istorja: minħabba fih nies mill-istess dar infirdu bejniethom. U dawk li ma aċċettawhx dejjem dehru li qegħdin minn fuq u dejjem ippersegwitaw lil dawk li aċċettawh. Dan seħħ fi żmien Ġesù, seħħ ftit wara Ġesù, fi żmien il-persekuzzjonijiet... u għadu jseħħ sal-lum. Illum ukoll għandna l-martri ta’ żmienna u dawn ukoll minħabba l-fidi tagħhom ħadu l-mewt minn idejn il-bnedmin ħuthom. Ġesù huwa l-kriterju tal-verità, mela hu jgħid x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin... u din ukoll hija firda, li aktar ’il quddiem sa narawha meta hu jerġa’ jiġi biex jagħmel ħaqq mill-ħajjin u mill-mejtin.