L-14 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-14 Ħadd matul is-sena A
L-GĦERF TA’ ALLA

Ġesù jfaħħar lill-Missier tas-sema għax il-ħwejjeġ tiegħu, jiġifieri l-misteri tiegħu, ma għarrafhomx lil min għandu l-għerf tad-dinja, imma wriehom liċ-ċkejknin, jiġifieri lil min għandu l-għerf ta’ Alla. Dan ifisser li hawn qed issir għażla ta’ kuntrast bejn l-għerf tad-dinja, li ma jlaħħaqx mal-għerf ta’ Alla, u l-istess għerf ta’ Alla li bih iċ-ċkejknin jagħrfu u jgħixu l-misteri ta’ Alla. Min huma dawn iċ-ċkejknin? Huma l-umli, dawk li huma foqra fl-ispirtu jew il-foqra ta’ Alla, dawk li jagħrfu li Alla huwa s-Sid u joqogħdu għar-rieda tiegħu f’kollox. Mela mhux bilfors il-foqra li ma għandhomx x’jieklu u x’jilbsu, imma dawk li jitħabtu fil-ħajja biex dejjem jaqdu lil Alla u jibqgħu jberkuh fis-sabiħ u fl-ikrah. Hawn ma nistgħux ma nsemmux lil Marija li Alla xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tagħha u riedha tkun Omm Ibnu magħmul bniedem. Hi kellha d-diffikultajiet tagħha, imma għax kellha fiduċja għamja f’Alla għelbet dawk id-diffikultajiet u daħlet għal dik ir-responsabbiltà u taħdem id f’id ma’ Alla fil-misteru tal-Inkarnazzjoni. “Ara, jiena l-qaddejja tal-Mulej: ħa jsir minni skont kelmtek!” (Lq 1:38).
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content