L-14 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-14 Ħadd matul is-sena - Sena A
TELFA JEW REBĦA

Id-dixxipli kienu għadhom kemm ġew lura mill-ewwel missjoni. Kienu entużjasmati bir-riżultat, u mimlijin bil-ħeġġa bdew jitkellmu fuq l-effett tax-xandira tagħhom. Semmew morda li fiequ, xjaten li ħarbu, nies li laqgħu s-Saltna. Kienu mimlijin bil-ferħ.

Ġesù qagħad jisma’ r-rapport tad-dixxipli tiegħu, rahom mimlijin bl-enużjażmu u feraħ magħhom, tqanqal, skont Luqa tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu. Minflok jingħalaq fih innifsu, igerger, iwaħħal fl-oħrajn, jifli r-raġunijiet taċ-ċaħda tiegħu li kienet qiegħda sseħħ fil-Galilija, ra triq ġdida quddiemu, triq li biha jista’ jseħħ aħjar il-proġett ta’ Alla. L-imkabbrin ma laqgħux il-messaġġ tiegħu? Tant aħjar: dan jilqgħu min hu sempliċi. Dawk li mingħalihom għandhom moħħhom jilħqilhom ma jaċċettawhx? Sewwa wisq: huma ċ-ċkejknin li sa jiġbru l-frott. Il-Missier għandu sorpriża għall-Iben. Għandu ħila jgħaġġbu. Bħalma jiġri f’rabta b’saħħitha ta’ mħabba, l-imħabba toħloq, tagħti l-ħila lil min jagħmel ġesti li jqajmu ammirazzjoni u ferħ kbir f’min iħobbu. Ġesù dan jagħrfu u jfaħħar lill-Missier u jroddlu ħajr. Meta nħobbu nagħmlu ħwejjeġ tal-għaġeb. Ġesù minn falliment jara titwieled ħaġa ġdida għażiża. U x-xefaq jitwessa’: skont id-dinja dejjem jirbħu l-aqwa, l-aktar b’saħħithom, il-ħielsa. Iżda f’għajnejn Alla mhux hekk. It-telliefa, il-mirbuħin, l-ippersegwitati huma fiċ-ċentru tal-attenzjoni tiegħu. Il-foqra, il-magħkusin, l-imwarrbin jinsabu fl-ewwel post bil-mod kif jirraġuna hu.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content