L-14 Ħadd matul is-sena Ċ
IN-NISRANI BIN IS-SLIEM
Meta Ġesù bagħat qablu lid-dixxipli (72 = l-għadd ta’ nazzjonijiet li kienu jeżistu dak iż-żmien) biex imorru fejn kien sa jmur hu, qalilhom biex ma jaħsbu f’xejn aktar ħlief fis-sliem biex jagħtuh lil dawk li jilqgħuhom. Ma kienx hemm lok ta’ biża’ għax il-Mulej kien sa jkun magħhom u għalhekk qalbhom kienet sa tkun fis-sliem. B’hekk huma setgħu jwasslu l-qofol tal-Bxara t-Tajba: “Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom.” Hawn l-espressjoni “Saltna ta’ Alla” tfisser Ġesù Messija Salvatur, li bis-saħħa tiegħu huma kellhom ifejqu l-morda. Dak li Ġesù qal lit-72 dixxiplu, illum qiegħed jgħidu lilna. Kulfejn inkunu hu jordnalna nxandruh billi bil-mod kif ngħixu nuruh lid-dinja, inxandrulha li s-Saltna (= Ġesù) waslet u nwasslulha s-sliem li jaf jagħtih hu biss. Din hi l-missjoni ta’ kull Nisrani.