L-14 Ħadd matul is-sena Ċ
INSIRU EVANĠELIZZATURI
Israel kien jemmen li d-dinja kienet magħmula minn tnejn u sebgħin ġens. U llum il-Vanġelu jsemmi tnejn u sebgħin dixxiplu: Luqa qed jgħid lill-komunitajiet tiegħu ta’ oriġni pagana f’idejhom ukoll, mhux biss f’idejn l-Appostli, tħalla x-xandir tas-Saltna.
Ilhom żmien issa l-pajjiżi tagħna ta’ tradizzjoni Nisranija b’rashom mistrieħa, iħalltu l-kultura Nisranija mal-appartenenza lil Kristu. Min sa jxandar it-tama tal-Vanġelu lit-tmenin fil-mija tal-imgħammdin li ma jiċċelebrawx il-preżenza ta’ Kristu Rxoxt kull ġimgħa? Din hi l-isfida: noħorġu ’l Alla mill-knejjes, neħduh hemm fejn ried imur jgħix, qalb in-nies. Naqilgħuh mill-ambjenti dojoq tas-sagru fejn għalaqnieh biex nerġgħu neħduh f’dik l-umanità li hu ried jidħol fiha. Ġesù jurina bl-eżatt kif għandna nxandru, l-istil li għandna naqbdu. Id-dixxipli ntbagħtu tnejn tnejn, qabel il-Mulej. Lil ħadd ma għandna nikkonvertu: huwa Alla li jikkonverti, huwa hu li jgħammar fil-qlub. Dmirna hu biss li nħejjulu t-triq. Nintbagħtu tnejn tnejn: ix-xandir mhuwiex monopolju ta’ xi kariżmatiku, iżda dimensjoni ta’ komunità li qed tinbena, u titlobna nitolbu: mhux biex nikkonvinċu lil Alla jibgħat ħaddiema (dan hu sewwasew dak li jrid hu!) iżda biex jikkonvinċi lilna d-dixxipli fl-aħħar insiru evanġelizzaturi!