L-10 Ħadd matul is-sena B
Din is-silta tfakkarna fil-profezija ta’ Xmun fil-preżentazzjoni ta’ Ġesù fit-tempju: “Sa jkun sinjal li jmeruh” (Lq 2:34). U tabilħaqq, hawn insibu li qrabatu stess “qalu li tilef moħħu”. U l-kittieba (it-teoloġi ta’ żmienu) qalu li għandu fih ix-xitan u li jkeċċi x-xjaten bis-saħħa tax-xitan! Kontradizzjoni! Il-kliem ta’ Ġesù fuq il-familja maqsuma li ma żżommx wieqfa, tista’ tkun ukoll botta għall-firda li kien hemm fost qrabatu stess li fosthom kien hemm min appoġġah u min ma appoġġahx jew baqa’ biered quddiem it-tagħlim tiegħu. F’dan is-sens tiftiehem aħjar l-aħħar biċċa tas-silta li fiha Ġesù jgħid li ommu u ħutu huma dawk li jagħmlu r-rieda ta’ Alla... u jaċċettaw it-tagħlim tiegħu għax hemm tinsab ir-rieda ta’ Alla... u jaċċettaw lilu bħala Messija minkejja t-tnissil umli tiegħu. Hekk għamlet Marija u għax laqgħet ir-rieda ta’ Alla f’ħajjitha saret Omm Alla. Fis-silta Ġesù jsemmi wkoll id-dagħa bl-Ispirtu s-Santu li ma jinħafer qatt. Id-dagħa bl-Ispirtu s-Santu jaqa’ fih min imieri s-sewwa magħruf bħalma għamlu l-kittieba, li meta sabu ruħhom quddiem il-Messija, ma għarfux is-sinjali messjaniċi tiegħu u qalu li hu mmexxi mix-xitan. Dan ifisser nuqqas sħiħ ta’ fidi, li bih wieħed ma jsalvax, għax biss fil-fidi f’Ġesù Messija hemm is-salvazzjoni.