L-10 Ħadd matul is-sena B
MIN HI L-FAMILJA TA' ĠESÙ?
Il-Vanġelu tal-lum jiftaħ b’temi interessanti ħafna u impenjattivi. Inħarsu lejn dak li jingħad dwar il-familja ta’ Ġesù li jiftaħ u jagħlaq is-silta. Dik li t-test iqegħdilna quddiemna hija xena li rajt f’ħafna nies li jibdew jemmnu u nieshom jibdew jittrattawhom bħallikieku tilfu rashom. Hija xena li biha batew ħafna nies li ttamaw li jsibu fil-qraba lil min jifhimhom u jagħmlilhom il-qalb għall-għażla ta’ ħajjithom jew għas-sejħa li għaliha għażlu jwieġbu. Quddiem qagħdiet bħal dawn wieħed jifhem il-piż u r-realiżmu ta’ kliem Ġesù li jagħlaq il-Vanġelu: «Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.» Kemm hu minnu dan! Ħafna mill-aħwa spiritwali huma aktar intimi u aktar aħwa minn dawk tad-demm. Dan iġagħalna nifhmu li r-rabta tal-“ilma” (l-ilma tal-magħmudija) hija aktar b’saħħitha mir-rabta tad-demm. Il-grazzja tal-grazzji, imbagħad, tkun li l-qraba wkoll isiru aħwa fl-ilma u fid-dilka ta’ Kristu. Illum nitolbu għal dan.