L-1 Ħadd tar-Randan Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
"MHUX BIL-ĦOBŻ BISS..."

Il-Vanġelu tal-Ewwel Ħadd tar-Randan, Sena Ċ, jippreżentalna lil Ġesù li għal erbgħin jum fid-deżert kien imġarrab mix-xitan. Minbarra t-tbatija taċ-ċaħda fiżika li esperjenza bħal din iġġib magħha, Ġesù jħalli lix-xitan jgħaddih ukoll minn eżami spiritwali u psikoloġiku.

Fil-qosor, it-tentazzjonijiet li jippreżentalu x-Xitan huma kollha short-cuts jew tgħawwiġ fil-missjoni reali tiegħu. L-ewwel waħda hija t-tentazzjoni li jagħmel miraklu sempliċiment għall-kumdità tiegħu, biex jimla l-istonku. Imma għal Ġesù, il-mirakli kienu dejjem ġesti ta’ ħniena intenzjonati biex iqanqlu u jsaħħu l-fidi. L-Evanġelista San Ġwann isejħilhom “sinjali”. Huma sinjal ta’ xi ħaġa aqwa u akbar. Ngħidu aħna, meta Ġesù (f’aktar minn okkażjoni waħda) kattar il-ħobż u l-ħut għall-folol, dan kellu jservi bħala sinjal li waslet is-Saltna ta’ Alla, li Alla jinsab fosthom.

It-tieni tentazzjoni hija li jirbaħ setgħa fuq is-saltniet kollha tad-dinja f’daqqa, mingħajr tbatija: l-uniku prezz huwa li jkun ta l-qima tiegħu lix-xitan u mhux lil Alla Missieru. Iżda fi tmiem din il-mixja tar-Randan, sa jkollna quddiem għajnejna xena differenti: Ġesù, li quddiem Pilatu jistqarr li verament huwa Sultan, iżda mhux ta’ din l-art. Is-Saltna vera ta’ Ġesù titwieled mhux mill-qima tax-xitan jew tal-poter faċli, imma tal-Missier u tar-rieda tiegħu. Is-Saltna ta’ Alla tidher mhux fl-abbuż tal-poter, imma fl-esperjenza tas-Salib. Ġesù jsaltan tassew, imma mhux minn fuq tron komdu, iżda minn fuq salib.

It-tielet tentazzjoni hija dik li jisforza l-id ta’ Alla: li jagħmel ġest spettakolari u jintefa’ mill-ogħla quċċata tat-tempju, sempliċiment biex iġiegħel lil Alla jintervjeni, biex jara Alla jħobbux u jiħux ħsiebu. Iżda Alla tagħna huwa MĦABBA, mhux IMĦADDA: Alla joffrilna mhux il-kumdità, iżda s-salvazzjoni.

Ir-Randan kull sena huwa “deżert” li fih aħna nistgħu niġu wiċċ imb wiċċ mar-realtà tal-ħajja tagħna u ta’ min hu Alla għalina. Li ninżgħu l-illużjonijiet u x-xbihat foloz ta’ Alla li faċilment irrabbu, għax niddakkru mis-soċjetà ta’ madwarna li tpoġġi l-kumdità u s-suċċess bħala l-ogħla prijoritajiet.

Huwa mument fejn aħna, bħal Ġesù, nifhmu li l-bniedem mhux bil-ħobż biss jgħix (jiġifieri mhux bl-affarijiet materjali biss); biex infittxu dak li tassew jagħtina l-ħajja; anzi, lil ‘Dak’ li tassew jagħtina l-ħajja.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content