L-1 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
LI TIRRIFJUTA L-FALZ
“It-tentatur jipprova jbiegħed lil Ġesù mill-proġett tal-Missier, jiġifieri mit-triq tas-sagrifiċċju, tal-imħabba, li joffri lilu nnifsu bi tpattija ... jippreżentalu tamiet messjaniċi foloz: il-ġid ekonomiku, li jidher mill-possibiltà li jibdel il-ġebel f’ħobż; l-istil spettakolari, bl-idea li jintefa’ għal isfel minn fuq l-ogħla quċċata tat-Tempju biex jiġu jsalvawh l-Anġli u, fl-aħħar, l-iqsar triq lejn il-poter jekk jagħmel att ta’ adorazzjoni lil Satana ... Ġesù jirrifjutahom, u jtenni r-rieda soda li jimxi fit-triq li stabbilixxa l-Missier.”
PAPA FRANĠISKU, Angelus, 9 ta' Marzu 2014
- Lit-tentatur ġieli nemmnu jien?
- Dak li hu veru, infittxu tabilħaqq?
Mulej, il-proġett ta’ Alla Missierek hu li Inti, id-dinja ssalvaha billi tkun għotja sħiħa għaliha, billi tagħmel minn kollox - sforz imħabbtek lejha - biex treġġagħha lura għandu kif ħarġet minn idejh.
Biex twettaq dan il-proġett, inti wkoll kien meħtieġ li teħodha bil-qawwa kollha kontra dak li, b’ħafna qerq, iħajrek tagħżel toroq oħra.
Ħa tkun, Mulej, il-fedeltà tiegħek lejn il-Missier li ddawwalni fit-tfittxija tiegħi għal dak li hu veru.
Ħa tkun ir-rebħa definittiva tiegħek fuq it-tentatur li ssostnini fil-ġlieda kontra s-suġġerimenti tiegħu.