L-1 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
IL-LOĠIKA TAD-DINJA TĦEBB GĦALINA
Wasal iż-żmien li nneħħu l-maskri: dawk tal-Karnival u dawk ħafna aktar impenjattivi li l-ħajja ħititilna fuqna, dawk li warajhom nistkennu għax nibżgħu mill-għażliet. Quddiem Alla, għall-anqas quddiemu, nistgħu noqogħdu għarwenin bla ma nistħu.
Ġesù b’solidarjetà mal-bniedem irid jgħaddi mit-toroq ta’ Israel, iħoss il-ġuħ, jibqa’ mistur fis-skiet tad-deżert, iħalli x-xemx tgħammxu hija u tiddi fuq l-ilwien u l-blat tad-deżert ta’ Ġuda. Ġesù jrid jagħżel kif ixandar il-Kelma, kif jikxef il-misteru ta’ Alla, isawwar strateġija, isawwar proġett ta’ evanġelizzazzjoni. Jidher stramb għal ħafna, imma hekk hu. Ġesù jagħżel li jagħżel. L-għarfien li Ġesù għandu ta’ Alla hu assolut: huwa l-Verb ta’ Alla. Iżda, bħala bniedem, ifittex it-tweġiba fis-skiet. Ġesù jidħol fis-skiet tad-deżert biex jiddeċiedi x’tip ta’ Messija jrid ikun. Aħna nidħlu fid-deżert tar-Randan biex nistaqsu lilna nfusna jekk il-bnedmin li aħna humiex dawk li xtaqna nsiru, u fuq kollox, jekk jixbahx lill-bniedem, tal-għaġeb, li Alla għandu f’qalbu. U jien, xi rrid inkun? X’baqagħli nsir? It-tiġrib jitkattar, il-loġika tad-dinja tħebb għalina: idher, irbaħ, uża, abbuża, esaġera, tmellaħ, bagħbas, għajjat. U jien, min irrid inkun? Agħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla. Hemm deżert x’naqsmu.