L-1 Ħadd tar-Randan - Sena Ċ
LIL ALLA NISSOTTOMETTU KULL XEWQA U KULL ĦSIEB
Il-verżjoni ta’ San Luqa tat-tiġrib li kellu Ġesù fid-deżert hi differenti minn kif jagħtiha San Mattew. Kif inhi miktuba, tiftħilna għajnejna dwar kif l-għadu, meta ma jseħħlux iġegħelna niċħdu lil Alla, ifittex li għall-anqas iġegħelna ninqdew bih. Dan hu l-kontenut tal-aħħar tentazzjoni: “Imbagħad ix-xitan ħadu Ġerusalemm, qiegħdu fuq il-quċċata tat-tempju, u qallu: «Jekk inti Bin Alla, inxteħet minn hawn għal isfel. Għax hemm miktub li: ‘Lill-anġli tiegħu jordnalhom biex jieħdu ħsiebek sewwa,’ u li: “Fuq idejhom jerfgħuk, biex ma taħbatx riġlek ma’ xi ġebla.’” Il-qadi b’Alla hu sewwasew l-essenza ta’ ħidmet ix-xitan. Lilu ma tinteressahx iċ-ċaħda ta’ Alla. Għalih l-importanti hu li ngħoddsuh fl-interessi tagħna u fil-proġetti individwalisti tagħna. Il-fidi ma tillimitax ruħha billi tistqarr it-twemmin f’Alla. Ix-xitan jaf tajjeb kemm din l-istqarrija waħedha ma tagħmel ebda ħsara. Il-fidi tistqarr lil Alla bħala direttur veru u uniku ta’ ħajjitna u lilu għandna nissottomettu kull xewqa u kull ħsieb.