L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena A
IL-MIĠJA TIEGĦU BĦAŻ-ŻIFFA TA’ FILGĦAXIJA
Hemm ħtieġa li nieqfu, għall-anqas għal ftit minuti, u naraw ’il fejn sejrin, insibu ħabel biex miegħu ndendlu, bħall-ħwejjeġ, il-ġranet kollha tagħna. Illum jibda l-Avvent, żgur li għandna bżonnu.
Huma erba’ ġimgħat li jħejjuna għall-Milied, arka ta’ salvazzjoni li tingħatalna biex insibu spazju għall-għarfien. Għandna xahar biex inħejju benniena għal Alla, anki jekk tkun fi stalla. Aħna qegħdin hawn biex imbagħad Ġesù taparsi jitwieled: hu diġà twieled fl-istorja, u jerġa’ jiġi fil-glorja. Iżda issa jixtieq jitwieled ġo fija. Erba’ ġimgħat huma ftit, naf. Iżda nixtieq nerġa’ nipprova. Għax nistgħu niċċelebraw elf Milied bla ma qatt Alla jitwieled darba fi qlubna. Kif jgħid tajjeb ħafna Bonhoeffer: “Ħadd ma għandu lil Alla b’mod li ma jkollux jerġa’ jistennieh. B’danakollu ma jistax jistenna ’l Alla min ma jafx li Alla diġà stenna lilu fit-tul.” Is-silta tal-Vanġelu hi tqila u tista’ tinqara b’mod grottesk. Ġesù, bħas-soltu, hu straordinarju: isemmi l-ġrajjiet simboliċi ta’ Noè, jgħid li madwaru kien hemm ħafna nies tajba li għerqu fid-dilluvju bla ma biss intebħu. U Ġesù jwissi: wieħed jittieħed, l-ieħor jitħalla. Wieħed jiltaqa’ ma’ Alla, l-ieħor le. Wieħed jimtela, l-ieħor ma jinstabx. Alla hu prudenti, modest, donnu mistħi, ma jimponix il-preżenza tiegħu, il-miġja tiegħu hi bħaż-żiffa ta’ filgħaxija. Aħna mitlubin niftħu qlubna beraħ, niftħu għajnejna, u nħallu x-xewqa toktor.