L-1 Ħadd tal-Avvent A
‘NISTENNEW’
Il-ħajja hija stennija bla waqfien! L-omm tistenna disa’ xhur sħaħ biex tiled it-tarbija tagħha. Il-poeta jistenna l-muża biex iħarbex il-poeżija. L-għassies jistenna s-sebħ biex imur jistrieħ. II-politiku jistenna l-elezzjoni biex jikseb siġġu fil-parlament. L-istudent jistenna r-riżultati biex ikun jista’ jitla’ klassi. Il-bidwi jistenna x-xhur biex iż-żerriegħa troddlu l-frott. Il-bejjiegħ jistenna x-xerrejja biex ikun jista’ jaqla’ l-għajxien. Il-ħaddiem jistenna għeluq il-ġimgħa biex jaqla’ l-paga. Ilpensjonanta tħalli x-xahar jgħaddi biex tmur għal flusha l-bank. U ż-żmien għaddej… u kif jgħidu hu jsajjar il-bajtar! Il-Mulej ukoll li ma għandux żmien, jistenna wkoll iż-żmien biex jidħol fl-istorja tal-bniedem. Il-Mulej jistenna l-kairos jiġifieri l-milja taż-żmien biex iwettaq il-pjan tas-salvazzjoni tiegħu.
Żmien l-Avvent hu żmien ta’ stennija tal-Mulej f’kultura li ma tridx tistenna u li trid kollox mal-ħaġra t-tajn. Fl-era diġitali li qed ngħixu fiha, il-perċezzjoni tagħna hija li nagħfsu buttuna u dak il-ħin stess dak li jkollna bżonn jiġi fuq platt kif juruna r-riklami! Għall-kuntrarju, il-liturgija kollha tal-Avvent li hija mifruxa fuq erba’ ġimgħat, hija mibnija fuq kif il-Mulej sa jiltaqa’ magħna u kif aħna, mingħajr għaġla żejda, irridu nħejju lilna nfusna għalih. L-Evanġelju ta’ dan l-ewwel Ħadd tal-Avvent, meħud mill-Evanġelista Mattew (24:37-44), jistedinna nkunu dejjem lesti u mħejjijin għall-miġja ta’ Kristu fostna: ‘Mela kunu lesti intom ukoll, għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-Bniedem.’ Kif nista’ ma nħejjix lili nnifsi għall-miġja tal-Mulej fija? Kif nista’ ngħidlu le lis-Sid tal-ħolqien kollu? Jekk it-tweġiba tiegħi għalih tkun fin-negattiv nista’ ngħid li ma fhimt xejn mill-ħajja tiegħi miegħu. Imma jekk naċċetta lill-Mulej fija, hieni jien biex nidħol fis-saltna tiegħu.
F’dawn l-erba’ ġimgħat il-ħsieb tagħna jrid ikun fuq daqstant miġjiet ta’ Ġesù Kristu li seħħew jew li sa jseħħu fil-ġejjieni. L-ewwel waqfa tagħna trid tkun fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni tal-Iben ta’ Alla fostna. It-tieni waqfa trid iġġagħalna naħsbu fuq id-daħla tal-Iben fina fil-Magħmudija u li l-effetti tagħha għadna nħossuhom sal-lum. It-tielet, fil-miġja tiegħu fl-aħħar mument ta’ ħajjitna fuq l-art u r-raba’ miġja fil-mument tal-ġudizzju aħħari. Għalhekk l-Avvent hu żmien ta’ ħidma fuqna nfusna biex nilbsu ’l Kristu u nwarrbu dak kollu li mhux tiegħu. Mela l-ħidma t-tajba lil kulħadd!