L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena A
KUNU LESTI
Fr Edmund Teuma
Fl-Avvent, li hu żmien liturġiku qawwi, inħejju ruħna għaċ-ċelebrazzjoni tal-Milied ta’ Sidna Ġesù Kristu. Dan nagħmluh billi niftħu beraħ il-bibien ta’ qalbna u nħallu lill-Mulej jgħaddi ġewwa u jgħammar fina, hekk kif bil-misteru tal-Inkarnazzjoni hu sar bniedem u ġie jgħammar fostna. San Mattew iħeġġiġna nishru u nkunu lesti biex meta jiġi Bin il-bniedem nilqgħuh. F’din il-ħajja, li hi qasira u malajr tgħaddi, aħna ninsabu mexjinlejn Kristu Rxoxt biex meta jidhirlu jħaddanna miegħu u jdaħħalna fl-imħabba tal-Missier u tal-Ispirtu s-Santu. Iżda jista’ jiġrilna li fil-mixja aħna nkunu aljenati bit-tlellix tad-dinja u jiġrilna bħan-nies ta’ żmien Noè li “b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd.” Il-laqgħa definittiva tagħna mal-Mulej, San Mattew ixebbahha mal-miġja ta’ ħalliel f’darna. Jekk inkunu moħħna hemm ma nħallux lill-ħalliel jidħol; hawn bil-maqlub: irridu nkunu lesti biex kif Ġesù jiġi jħabbtilna ndaħħluh minnufih. Imma ma nistgħux nobsru s-siegħa li fiha jiġi.