L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
KLIEM ĠESÙ MHUX WIEĦED TA’ BIŻA’ IMMA TA’ TAMA U KURAĠĠ
Dik li għadna kemm smajna tinqara f’din is-silta tal-Evanġelju kienet parti mit-tweġiba ta’ Ġesù għall-osservazzjoni ta’ xi wħud li bdew jgħidu kemm it-tempju ta’ Ġerusalemm kien imżejjen b’ġebel sabiħ u għotjiet. Illum żgur li bosta minna jgħidu l-istess kliem għall-knejjes tagħna. Dakinhar it-tweġiba ta’ Ġesù setgħet ħasdithom, “Kulma qegħdin taraw, għad jiġi żmien li ma tibqax ġebla fuq oħra minnu li ma tiġġarrafx” (Lq 21: 6). “Meta?” staqsewh huma. U Ġesù ma tahomx data, imma weġibhom b’dak il-kliem li qrajna llum.
Din is-silta ta’ Evanġelju tista’ tnissel biża’ u taqtigħ il-qalb, imma Ġesù jgħidilna: “Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.” Għan-Nisrani, kliem Ġesù mhux wieħed ta’ biża imma ta’ tama u kuraġġ.
F’dan il-Ħadd, l-ewwel wieħed tal-Avvent, il-Knisja qed tagħti bidu għas-Sena Liturġika tagħha. Il-kelma “avvent” tfisser miġja, mhux biss dik li seħħet elfejn sena ilu fl-Għar ta’ Betleħem, li sa nfakkruha ftit ġimgħat oħra fil-Milied, imma wkoll dik il-miġja li tkellem dwarha Ġesù nnifsu fil-qari tal-lum. “Imbagħad jaraw lil Bin il-bniedem ġej fi sħaba, b’qawwa u glorja kbira.”
U jiena nistaqsi, kif jista’ jkun li f’Nisrani li jemmen tassew, din il-miġja tnissel il-biża’? “In-nies ruħhom ħierġa bil-biża’ billi jobsru xi jkun ġej fuq id-dinja.” Imma l-Insara wkoll?
L-ewwel komunità Nisranija li fehmet tassew li l-għana u t-tlellix ta’ madwarna għandhom tmiemhom, kienet tixxennaq għal din it-tieni miġja tal-Mulej. Kienet titlobha u tistennieha kuljum, “Maranatà! Ejja, Mulej Ġesù!” Imma lilhom, il-ġebel sabiħ u t-tlellix tat-tempju ma kienx jimpressjonahom. Sa erbgħin sena wara, kliem Ġesù rawh iseħħ quddiem għajnejhom. It-tempju tassew iġġarraf u għadu hekk sal-lum.
U aħna? Jista’ jkun li l-fidi tagħna sikwit nibnuha fuq it-tlellix u t-tiżjin tat-tempji u d-djar tagħna? Ngħixu ħajja li fiha aktar jimpurtana minn dak li jintemm u jgħaddi?
Jekk inhu hekk, Ġesù nnifsu għandu dan il-kliem ta’ twissija għalina wkoll. “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħalllux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibux dak il-Jum fuqkom għal għarrieda.”
Fi kliem l-Appostlu Pawlu lit-Tessalonikin, hija l-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd li tqawwilna qalbna. B’dan il-mod ikunu nistgħu tassew ngħidu kliem is-Salm: “Lejk jien nerfa’ ruħi, Mulej.”