L-1 Ħadd tal-Avvent Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ

ŻMIEN TA' BIŻA' IŻDA TA' TAMA FERRIEĦA

F’dan l-Ewwel Ħadd ta’ l-Avvent il-Liturġija tal-Kelma trid tħajjarna ngħixu bl-aħjar mod dan iż-żmien. Dan mhuwiex żmien ta’ biża’ iżda ta’ tama ferrieħa f’dak li ġie, li qiegħed magħna u li għad irid jerġa’ jiġi. Għalhekk tajjeb ngħidu mal-ewwel li l-iskop ta’ dan l-Evanġelju huwa li jiskonġra minn ġo fina kull biża’ li ma jħalliniex nimxu ’l quddiem. Dan il-qari ma għandu l-ebda għan li jbeżża’ anzi, bil-maqlub, irid jeqred kull biża’ u jeħlisna minnu, għax dan hu l-għawġ veru tal-bniedem, li bih il-ġnus fuq l-art u n-nies sa jmutu. Huwa bil-biża’ li sa toħroġ ruħhom. Dan kollu minħabba n-nuqqas ta’ fidi f’Ġesù. Dawn jibżgħu minħabba l-ħsejjes tal-baħar u tal-imwieġ. Dan il-kliem għandu jfakkarna f’dak l-episodju meta l-Appostli kienu fid-dgħajsa ma’ Ġesù rieqed fil-poppa u qamet dik il-maltempata kbira. Huma kienu sa jmutu bil-biża’. Kliem Ġesù kien ċar: “Għaliex dal-biża’ kollu; mela ma għandkomx fidi? (Mt 8:23-27).
Jissemmew ix-xemx, il-qamar u l-kwiekeb, flimkien mas-sinjali l-oħra kollha. Dawn is-sinjali jagħmlu parti minn sensiela ta’ sinjali oħra li l-Evanġelista jsemmi. Dawn bħas-sinjali l-oħra seħħew minn dejjem, għadhom iseħħu u sa jibqgħu jseħħu. Minn dejjem kien hawn u għad hawn u sa jibqa’ jkun hawn mard, gwerer, terremoti, ġlied u anki sinjali fis-sema u nafu li anki d-dinja għad trid tispiċċa iżda dan mhumiex is-sinjali tat-tmiem, għax l-uniku sinjal tat-tmiem huwa l-miġja glorjuża ta’ Bin il-bniedem. F’kelma waħda, għalkemm dawn l-affarijiet negattivi kollha jibqgħu jseħħu matul iż-żminijiet iżda t-tmiem il-ħajja mhux sa jkun iddettat mill-ħażin jew mill-ħażen. Dan huwa biss il-kapitlu ta’ qabel tal-aħħar. It-tmiem sa jkun miktub b’ittri tad-deheb, it-tmiem sa jkun pożittiv: Il-miġja glorjuża u qawwija ta’ Bin il-bniedem biex jagħmel ħaqq mill-art kollha. Il-miġja tad-dawl tad-dinja, li quddiemu tiddallam ix-xemx u l-qamar jitlef id-dija tiegħu u dawk li kienu l-istilel, l-idoli, jitilfu l-importanza tagħhom u jaqgħu fix-xejn.
Fiex tikkonsisti din il-qawwa u l-glorja kollha li biha ġej bin il-bniedem biex jiġġudika d-dinja? Il-qawwa u l-glorja ta’ Alla huma waħda biss, dik li digà dehret fuq is-salib. Il-qawwa u l-glorja ta’ Alla mhumiex wirja ta’ kemm hu b’saħħtu fis-setgħa tiegħu, kemm għandu l-ħila jaħkem jew jaħtaf nies f’idejh. Imma bil-maqlub: hija l-ħila tiegħu li jingħata f’idejn kulħadd u li jilbes il-fardal u jinżel jaħsel is-saqajn. Din hija l-glorja u l-qawwa ta’ Alla u din biss. Dik l-imħabba esaġerata li spikkat fuq is-salib fejn għall-ħruxija li rċieva wieġeb biss bi mħabba u maħfra. U meta jerġa’ jiġi ma għandniex nistennew xi ħaġa differenti, sa jerġa’ jagħmel l-istess. Fiex sa jkun jikkonsisti l-ġudizzju ta’ Alla? F’dak il-ġudizzju li għamel minn fuq is-salib, jiġifieri dakinhar l-imħallef ta s-sentenza li kienet tgħid li minn dineb kellu jħallas bil-mewt, iżda għall-unika darba fl-istorja tad-dinja, l-imħallef ħa fuqu s-sentenza tal-akkużat u tela’ fuq is-salib minflokna. Dan hu l-ġudizzju ta’ Alla u dan sa jerġa’ jkun fl-aħħar. Qed naħsbu li sa naslu quddiemu perfetti jew lesti biex nidħlu l-ġenna? Dan mhu sa jkun qatt jekk mhux jekk inkunu ħadna l-martirju. Meta naslu quddiemu jerġa’ jitlobna nagħtuh in-nuqqasijiet tagħna u hu mill-ġdid jerġa’ jagħtina l-maħfra u dik il-purifikazzjoni sħiħa li tagħmilna denji nidħlu ngħixu miegħu fil-ħajja ta’ dejjem.
Tajjeb ngħidu li dan l-Evanġelju jrid li aħna nitfgħu ħarsitna fuq din it-tieni miġja, iżda jrid jagħmilhielna ċara li l-Mulej fil-glorja kollha tiegħu mhux ġej biss fl-aħħar tad-dinja. Wieħed jgħid bir-raġun kollu: “Sabiħ li ġej il-Mulej fl-aħħar iżda jien issa rridu miegħi f’dan il-mument!” Hekk hu, l-għan ta’ din il-paġna hu wkoll biex ifakkarna li meta jibda jseħħ dak l-għawġ li jitkellem fuqu l-Evanġelista, jiġifieri s-slaleb kollha ta’ matul ħajjitna. kulma għandna nagħmlu huwa li nerfgħu rasna u għandna naraw lil Ġesù magħna, dan ifisser li l-fidwa tagħna hi fil-qrib. Dan ma jfissirx fl-aħħar tad-dinja iżda mkaħħal magħna fil-waqtiet l-aktar diffiċli ta’ ħajjitna. Eżempju żgħir ta’ dan, huwa l-episodju tal-martirju ta’ San Stiefnu li niltaqgħu miegħu fl-Atti tal-Appostli: Meta semgħu dan, ħassew kliemu jinfdilhom qalbhom u bdew jgħażżu snienhom kontra tiegħu. Imma hu, mimli bl-Ispirtu s-Santu u b’għajnejh fis-sema, ra l-glorja ta’ Alla u lil Ġesù qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. U qal: ‘Ara, qiegħed nara s-sema miftuħ u lil Bin il-bniedem fil-lemin ta’ Alla.’ U huma nfexxew jgħajtu kemm jifilħu u jsoddu widnejhom. Imbagħad intefgħu fuqu lkoll f’daqqa, kaxkruh ’il barra mill-belt u qabdu jħaġġruh. Ix-xhieda qiegħdu ħwejjiġhom f’riġlejn żagħżugħ jismu Sawl. Lil Stiefnu qabdu jħaġġruh huwa u jitlob u jgħid: ‘Mulej Ġesù, ilqa’ r-ruħ tiegħi.’ Imbagħad niżel għarkupptejh u għajjat b’leħen għoli: ‘Mulej, tgħoddulhomx dan id-dnub.’ U kif qal hekk, miet” (Atti 7:54-60). Mela hemm qiegħed il-Mulej magħna f’kull waqt diffiċli, hemm fil-qrib, f’post ieħor jgħid “fil-bieb” (Apk 3:20).
Meta sa jkun it-tmiem ma nafux, x’sa jkunu s-sinjali lanqas. Kif sa tintemm id-dinja nafu: b’mod pożittiv ħafna, l-aħħar kelma sa tkun ta’ Alla. L-aħħar mistoqsija għandha tkun din: Ladarba ma nafux meta reġa’ ġej, u ladarba dak li ġej huwa mkaħħal magħna permezz tal-Ispirtu tiegħu li nefaħ fina minn fuq is-salib, x’għandu jkun l-atteġġament tagħna llum? L-Evanġelju ta’ dan l-ewwel Ħadd ikellimna fuq dan. Quddiem il-biża’ tal-ħajja din il-paġna qed tiftħilna għajnejna biex ma nippruvawx naljenaw ruħna bl-ikel u x-xorb żejjed. Meta jkollna d-dwejjaq malajr niffangaw fl-ikel jew ningħataw għax-xorb. B’dawn l-atteġġament naljenaw rasna, iżda ma nsolvu xejn. Inkunu qed nagħmlu bħan-nagħam, li quddiem il-periklu jaħbi rasu fir-ramel iżda jkollu ġismu kollu espost għall-periklu. Tajjeb ukoll ma nħallux il-ħafna biża’ mill-mewt u l-ħsieb li kollox sa jintemm bil-mewt iġegħelna naħtfu u nġemmgħu kulma naraw. Il-biża’ tal-mewt ġġegħelna niffangaw. Ma tħalliniex naraw kollox bħala don mogħti minn Alla għalina biex nagħrfu naqsmuh mal-oħrajn. Noqogħdu attenti jgħidilna, biex dan il-jum ma jaqax fuqna bħal nassa. Fin-nassa l-ġurdien jidħol iżda m’hemmx ċans li joħroġ. Hekk aħna wkoll meta jasal fuqna f’dak il-jum ma nistgħux nerġgħu lura biex nagħmlu dak li suppost qed nagħmlu llum. Li għamilna għamilna. Li lħaqna għamilna jiswa. Il-bieb jingħalaq u minn hu barra barra u min hu ġewwa ġewwa. Mela kif nistgħu naħdmu għal dak il-jum? Billi nishru u nitolbu. Li tishar huwa li tagħraf tara dak li tassew jiswa fil-ħajja. Li tiftaħ għajnejk biex tara dak li tassew jgħodd huwa l-għerf veru. Dan jikkonsisti f’ħaġa tassew essenzjali fil-ħajja tan-Nisrani: fiduċja u mħabba lejn Alla dejjem u kullimkien u fl-imħabba tal-proxxmu. Biex naslu li nħobbu lil għajrna dejjem u kullimkien neħtieġu arma partikulari: it-talb. Din hija l-għaqda ma’ Alla li filwaqt li nkunu f’riġlejh, inħossu fuqna dik l-imħabba kbira bla tarf għalina. Huwa f’dan il-waqt li nista’ niggosta dik l-imħabba ta’ veru li Kristu wera fuq is-salib fejn quddiem dik il-ħruxija kollha huwa wieġeb bl-imħabba u l-maħfra. Hija din l-imħabba biss li sa tgħinni ngħaddi minn kulma għandu jiġri. F’kelma waħda l-mod kif Kristu ġab ruħu fuq is-salib huwa l-mod kif kull Nisrani jrid iġib ruħu quddiem iċ-ċirkustanzi kollha tal-ħajja u jibqa’ wieqaf billi f’kull waqt, bħal Kristu fuq is-salib u jibqa’ fidil lejn Alla l-Missier u dejjem jibqa’ jħobb lil dawk ta’ madwaru.
Dan l-atteġġament biss fil-ħajja tan-Nisrani jista’ jiġġarantixxi li Ġesù nħossuh imwaħħal magħna u narawh jagħrafna bħala wlied Missieru u ħutu u għalhekk miegħu nidħlu fis-saltna ta’ dejjem.
Din il-kitba ssibha fil-ktieb:
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content