L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ
STQARRIJA QAWWIJA, TA’ TAMA U TA’ FERĦ
Avvent ġdid, Milied ġdid. Reġa’ wasal. Għad għandna kuraġġ li nħalluh jiltaqa’ magħna? Li nħalluh jgħaġġibna? Biex ma nċedux għad-drawwa u għad-diqa li niċċelebraw Milied bla siwi. Il-Kelma theżżiżna.
X’tiswa l-preżenza ta’ Kristu? X’jiswa li nibdew Avvent ieħor, inħejju ruħna biex niċċelebraw Milied dejjem anqas Nisrani, infittxu noħorġu mill-kriżi ekonomika u l-valuri li din serqitilna? X’jiswa ngħidu u nerġgħu ngħidu, niflu u nitolbu jekk l-impressjoni li għandna hi dik ta’ mewt bla tmiem? Huwa Luqa li ġej jgħinna fil-bidu iebes ta’ din il-mixja. Biex jheżżiżna, biex iħeġġiġna. Ix-xbihat li jinqeda bihom, meħudin minn vokabularju preċiż, imsejjaħ apokalittiku, bi lwien jgħajtu u tal-biża’ jwasslulna, bil-maqlub, realtà aktar ħelwa u serena, jiddeskrivu t-tmiem tal-kwiekeb. Ma għandhomx x’jaqsmu mal-profeziji tal-Maja jew ħwejjeġ bħal dawn, lanqas ma’ tmiem id-dinja tat-twerwir kif naraw f’xi film kummerċjali. Luqa jiddeskrivi tmiem il-ħolqien huwa u jimxi t-triq b’lura lejn ir-rakkont tal-Ġenesi. Jekk fil-bidu Alla neħħa t-taħwid, dan għamlu biex jagħti lill-ħolqien ordni u qjies, Luqa, issa, jiddeskrivi l-passaġġ mill-ordni għat-taħwid. Dak li sewwasew qegħdin ngħixu llum. U dan jagħmlu biex jagħmel stqarrija qawwija, ta’ tama, ta’ ferħ: aħna u nerfgħu ħarsitna nistgħu naraw lil Kristu ġej biex iġedded il-Ħolqien.