L-1 Ħadd tal-Avvent Ċ - Jum il-Mulej

Title
Go to content
L-1 Ħadd tal-Avvent - Sena Ċ

MIN JISTENNA JITHENNA... U INT?

Ħalli nibdew l-Avvent... illum...flimkien bi stennija kbira f’qalbna.
• Int qatt staqsejt x’inhu l-Avvent għalik?
• Hemm min fit-tweġiba tiegħu jibqa’ bla kliem għax vojt minn ġewwa.  
• Oħrajn ċari f’li jgħidu imma ma jafux kif sa jaslu.  
Mela ħa nħallu l-Kelma Ħajja tgħinna nwieġbu matul dan l-Avvent.
L-Avvent ifisser ħafna aktar milli jaħseb il-moħħ dejjaq tagħna. Hu żmien profond ħafna u forsi ftit stramb ukoll. Profond għaliex hu mogħni b’diversi kwalitajiet bħat-tama, il-fiduċja, is-sigurtà... kif insibu fl-ewwel qari:  ‘inġib lura l-ġid li wegħedthom u jgħammru fis-sod.’ Stramb għax quddiemu għandu żewġ direzzjonjiet: l-imgħoddi, ewwel miġja ta’ Ġesù, u l-ġejjieni, it-tieni miġja, kif insibu fil-Vanġelu: ‘Imbagħad jaraw lill-Bin il-Bniedem ġej fuq sħaba b’setgħa u glorja kbira.’
X’irridu nagħmlu biex l-istennija tagħna tkun kif jixtieq minna l-Mulej?
  • Nagħtu sens lil ħajjitna minkejja l-biżgħat, id-diżappunti, il-fallimenti, il-mard u l-imwiet li jaħbtu ma’ wiċċna;
  • Inħallu mkebbsa fina x- xrara ta’ tama li Ġesù kebbsilna meta ġie biex jifdina.
U t-tama, kif jgħid San Pawl, ‘ma tqarraqx bina.’ Din mhix xi ħaġa vvintata minna, imma hi verità: ‘L-Iben t’Alla sar Bniedem u għammar fostna.’
Dan hu s-sens profond tal-Avvent: il-miġja ta’ Ġesù hi ta’ wens għalina lkoll. Jekk għandna din it-tama, ksibna l-aktar ħaġa prezzjuża li tista’ tagħmel il-ħajja tagħna aktar friska... b’tifsira aktar miftuħa biex lil Ġesù, nistennewh kuljum!
U dan jista’ jseħħ jekk illaħħmu fina l-kliem li jagħtina hu stess fil-Vanġelu tal-lum: ‘Oqogħdu għassa’; ‘ishru u itolbu’.
Din hi r-riċetta fundamentali tal-Avvent – iż-żmien li fih insiru aktar ħfief, aktar slim: niżbarazzaw qalbna minn kull preokkupazzjoni u nkwiet żejjed u nqiegħdu t-tama u l-fiduċja tagħna fih. Ma nippermettux lilna nfusna ninqabdu fi xbiek li jifgana mingħajr ma nintebħu.  Irridu nibqgħu dejjem ‘imqajmin’ ‘attenti’ ‘nistennew’...
In-nuqqas ta’ għarfien dwar it-tifsira tal-miġja ta’ Ġesù, ma għandux iwaqqagħna fil-medjokrità, imma għandu jgħinna nkunu nies weqfin fuq riġlejna, ħerqanin nistennewh ġej.
Hu sewwasew f’dan il-kwadru li l-istennija tagħna mbagħad tinbidel f’talba sinċiera ħierġa mill-qalb:  ‘Maranathà!!  Ejja, Mulej Ġesù!’
Ejjew nidħlu għal dan l-impenn f’dan iż-żmien qaddis biex Ġesù jsib post fejn jitwieled fil-qalb tagħna lkoll!

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content