KATEKEŻI 7
Sussidjarjetà
Wieħed mill-aktar kontributi importanti tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja għall-ħajja soċjali u politika huwa l-prinċipju tas-sussidjarjetà. Naraw eżempji fil-Bibbja bħal meta Mosè ħatar mexxejja fuq gruppi iżgħar biex jieħdu ħsieb kwistjonijiet lokali (Eżodu 18:13-26), u bħal meta l-appostli fdaw ir-responsabbiltà tal-għajnuna lill-romol lil seba’ rġiel (Atti 6:1-6). Eżempji bħal dawn juru kif it-tqassim tar-responsabbiltajiet isaħħaħ il-komunità. Il-prinċipju, iżda, ġie definit b’mod ċar fl-1931 minn Papa Piju XI: huwa inġust u “tfixkil tal-ordni ġust” li awtorità ogħla tagħmel dak li komunitajiet iżgħar jistgħu jagħmlu huma stess, “għax kull attività soċjali, min-natura tagħha stess, għandha tipprovdi għajnuna (subsidium) lill-membri tal-korp soċjali, u qatt m’għandha teqridhom jew tassorbihom” (Quadragesimo Anno, 79). Dan ifisser li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu fl-iktar livell lokali possibbli, minn dawk li huma l-aktar qrib tas-sitwazzjoni. Istituzzjonijiet akbar, bħall-gvern jew organizzazzjonijiet oħra, għandhom joffru appoġġ u għajnuna meta jkun hemm bżonn, iżda mhux jieħdu post jew jiddominaw l-inizjattiva u r-responsabbiltà tal-individwi u tal-komunitajiet iż-żgħar (ara Katekiżmu, 1883). Għalhekk, dan il-prinċipju fih kemm aspett negattiv, kif ukoll aspett posittiv: “jipproteġi lill-persuni minn abbużi ta’ awtorità soċjali ta’ livell ogħla u jsejjaħ lil dawn l-istess awtoritajiet biex jgħinu lill-individwi u lill-korpijiet intermedji jwettqu d-dmirijiet tagħhom” (Kompendju tat-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, 186). B’dan il-mod, is-sussidjarjetà tħares id-dinjità, il-libertà u r-responsabbiltà tal-persuna, filwaqt li tippromwovi kooperazzjoni akbar u l-ġid komuni fis-soċjetà. Dan il-prinċipju huwa mibni fuq il-fehma li l-persuni jikbru fid-dinjità u fil-maturità meta jingħataw ir-responsabbiltà li jmexxu ħajjithom u jikkontribwixxu b’mod attiv għall-komunità tagħhom. Is-sussidjarjetà għalhekk tenfasizza l-importanza tal-familja, tal-paroċċi, u tal-għaqdiet volontarji għax tgħinna nagħrfu li korpijiet intermedji bejn l-individwu u l-istat għandhom rwol essenzjali fil-ħajja soċjali u li l-ħidma u r-responsabbiltà tagħhom qatt m’għandna tiġi mwarrba minn burokraziji distanti. Is-sussidjarjetàtitlob familji b’saħħithom, komunitajiet lokali ħajjin, u partecipazzjoni attivà fil-ħajja ċivili u parrokjali.
Is-sussidjarjetà u s-solidarjetà iridu jimxu flimkmien (Caritas in Veritate, 58): is-sussidjarjetà tħares il-libertà tal-bniedem filwaqt li s-solidarjetà tfakkarna fir-responsabbiltà tagħna lejn xulxin . Flimkien, dawn il-prinċipji jgħinu biex tinbena soċjetà aktar ġusta u parteċipattiva fejn kulħadd jista’ jikkontribwixxi għall-ġid komuni.
Fr Raymond Zammit