KATEKEŻI 5
Imsejħin biex insaħħu l-Ġid komuni
“Għaliex il-bniedem ġie qabel l-Istat. Għalhekk in-natura tatu d-dritt li jaħseb għall-għajxien tiegħu qabel ma ffurmat ruħha s-soċjetà ċivili” (Rerum novarum, 7).
Kull bniedem huwa mżejjen bi drittijiet fundamentali li joħorġu mid-dinjità tiegħu. Dawn id-drittijiet mhumiex mogħtija mill-Istat jew minn istituzzjonijiet umani, imma huma naturali, universali, inaljenabli u invjolabbli. Huwa dmir tal-Istat li jirrikonoxxi dawn id-drittijiet fundamentali; anzi, jeżisti propju biex jipproteġihom.
Ġwanni XXIII offra lista wiesgħa ta’ dawn id-drittijiet: id-dritt għall-ħajja u għall-integrità tal-ġisem, u għall-mezzi meħtieġa għall-iżvilupp sħiħ tal-ħajja bħall-ikel, il-ħwejjeġ, id-dar, il-kura medika u l-mistrieħ (Pacem in Terris, 11). Semma wkoll id-dritt li wieħed jadura lil Alla skont il-kuxjenza tiegħu, jagħżel l-istat tal-ħajja, jaħdem u jirċievi paga ġusta, kif ukoll drittijiet politiċi bħad-dritt li tipparteċipa fil-ħajja pubblika. Dawn id-drittijiet huma l-kundizzjonijiet minimi għal ħajja ta’ dinjità umana; fi kliem ieħor, huma l-kundizzjonijiet neċessarji biex il-bniedem jiffjorixxi. Il-bniedem iżda qatt ma jista’ jiffjorixxi waħdu għax bħala esseri soċjali, id-drittijiet tagħna dejjem jiġu mħaddma fil-kuntest tal-komunità. Min jitlob id-drittijiet tiegħu iżda jinsa d-dmirijiet tiegħu “jibni b’id waħda u jeqred bl-id l-oħra” (Pacem in Terris, 30). Ir-relazzjoni bejn drittijiet u dmirijiet hija ċentrali fit-Tagħlim Soċjali u toffri qafas għall-bini ta’ soċjetà ġusta u ordnata. Id-dritt għall-ħajja, ngħidu aħna, jimplika d-dmir li tieħu ħsieb saħħtek u saħħet ħaddieħor; id-dritt għal għixien diċenti jġib miegħu d-dmir li taħdem u tikkontribwixxi għall-benesseri tas-soċjetà; id-dritt tal-propjetà privata jgib miegħu d-dmir li tuża l-ġid tiegħek għal ġid ta’ kulħadd, prinċipju magħruf bħala ‘d-destinazzjoni universali tal-ġid’. Ifisser ukoll li ma narmux l-iskart tagħna kif ġieb u laħaq, imma b’għaqal u prudenza. Id-dritt tal-libertà reliġjuża huwa marbut mad-dmir li tfittex il-verità u li tgħix skont din il-verità filwaqt li tirrispetta l-libertà reliġjuża ta’ ħaddieħor.
Bħala Insara, aħna msejħa biex ikollna mħabba profonda għal Alla u l-proxxmu, u din l-imħabba nuruha fil-konkret bil-fedeltà tagħna kemm għad-drittijiet kif ukoll għad-dmirijiet.
Fr Raymond Zammit