KATEKEŻI 1
It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja
Illum nibdew sensiela ta’ artikli dwar it-Tagħlim Soċjali tal-Knisja, il-ġabra ta’ tagħlim morali żviluppat mill-Knisja Kattolika tul iż-żminijiet dwar kif il-fidi tagħna f’Ġesù Kristu ngħixuha mhux biss fil-ħajja personali imma anki fil-ħajja soċjali. Id-dnub, filfatt, mhux biss jaffettwa lilna personalment, imma anki jwassal għal “strutturi soċjali ta’ dnub” li n-Nisrani huwa msejjaħ biex ibiddel permezz ta’ konverżjoni personali kif ukoll permezz ta’ impenn attiv favur il-ġustizzja u l-paċi fid-dawl tal-Evanġelju. It-Tagħlim Soċjali tal-Knisja għalhekk huwa l-ġabra ta’ tagħlim tal-Knisja dwar kwistjonijiet soċjali, ekonomiċi u politiċi li jħabbat wiċċu magħhom il-bniedem fil-mixja tiegħu tul l-istorja. Hija ħasra tassew li dan il-patrimonju ta’ ġid, mibni fuq il-liġi naturali u mdawwal mill-Evanġelju u mill-esperjenza tal-Knisja tul is-sekli, huwa ftit li xejn magħruf, tant li ġie deskritt bhala “l-akbar siġriet” tal-Knisja Kattolika.
Aħna u nesploraw dan it-tagħlim, importanti nifhmu li filwaqt li l-Knisja tevalwa strutturi soċjali, ekonomiċi u politiċi u toffri linji-gwida prudenti, huwa daqshekk ieħor veru li l-Knisja ma għandna l-ebda pjattaforma politika jew teorija ekonomika x’toffri. Ġwanni Pawlu II jagħmilha ċara li “id-duttrina soċjali tal-Knisja mhijiex ideoloġija imma teoloġija, u propjament teoloġija morali” (Sollicitudo rei socialis, 41). Għaldaqstant, il-Knisja toffri l-ġudizzju morali tagħha f’affarijiet soċjali u ekonomiċi “meta dan ikun mitlub mid-drittijiet fundamentali tal-bniedem jew mis-salvazzjoni tal-erwieħ” (Gaudium et spes, 76). B’hekk il-Knisja tgħallem lill-bniedem x’jitolbu minnu l-ġustizzja u l-paċi skont l-għerf ta’ Alla (Katekizmu, 2419), u b’hekk toffri kumpass morali li jgħin lill-Insara jinnavigaw il-kumplessitajiet tal-ħajja moderna filwaqt li jibqgħu leali lejn is-sejħa tagħhom biex jgħixu bħala dixxipli ta’ Kristu. Dan it-tagħlim mhux statiku; jiżviluppa maż-żmien hekk kif il-Knisja “tgħarbel is-sinjali taż-żminijiet u tinterpretahom fid-dawl tal-Vangelu” (Gaudium et spes, 4). Joffri prinċipji għar-riflessjoni, kriterji għall-ġudizzju u orjentament għall-azzjoni (Katekizmu, 2423), biex jgħin lill-Insara jkunu ħmira ta’ bidla pożittiva fis-soċjetà. Dan it-tagħlim, filfatt, huwa primarjament pożittiv, għax jipponta lejn it-tama mwielda mill-qalb li tħobb ta’ Ġesù (Evangelii gaudium, 183). Fl-istess ħin, bħal ma jfakkruna l-profeti u l-appostli, il-qima vera għandha twassal għall-gustizzja: “Ħallu l-ġustizzja tgelgel bħall-ilma, u s-sewwa bħal wied ta’ dejjem” (Għamos 5:24), għax “il-fidi: jekk tkun weħidha u ma jkollhiex l-għemil, tkun mejta fiha nfisha” (Ġakbu 2:17).
Fr Raymond Zammit