It-Twelid tal-Verġni Marija
MARIJA HIJA L-MUDELL PERFETT
Il-kitbiet kanoniċi ma jgħidu xejn dwar it-twelid ta’ Marija, iżda huma u jirrakkontaw it-twelid ta’ Ġesù jgħidulna ħafna dwarha. Mattew ma jħossx il-ħtieġa li jidħol f’dettalji kbar dwar it-tnissil ta’ Ġesù. Iżda mbagħad jurina kif tidħol Marija fil-kotba profetiċi, billi jikkwota l-episodju tas-sinjal li l-Mulej innifsu ta lis-sultan Aħaż: «Ara, ix-xebba tnissel u jkollha iben, u jsemmuh Għimmanu-El.» It-tifkira tat-twelid ta’ Marija hija għarfien tal-misteru tal-unika predestinazzjoni: kull bniedem huwa msejjaħ biex inissel lil Alla fl-istorja. Fuq l-umanità tiegħi tlissnet kelma ta’ barka sa minn ġuf l-omm, barka li qed tistenna l-aċċettazzjoni min-naħa tiegħi biex tfaqqa’, biex Alla jidħol hemm fejn jingħata spazju. Marija hija l-mudell perfett ta’ din il-predestinazzjoni għax sa minn twelidha, il-Kelma ta’ Alla sabet għamara sħiħa fiha u din id-disponibbiltà sħiħa kienet it-tħejjija tajba biex tilqa’ l-Kelma magħmula bniedem.