It-Twelid ta' Sidna Ġesù Kristu B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Twelid ta Sidna Ġesù Kristu B
MARRU JGĦAĠĠLU

Il-Vanġelu ta’ Luqa jgħid li malli l-anġli ħallew lir-rgħajja wara li kienu tawhom l-aħbar tat-twelid tal-Messija, dawn marru jgħaġġlu biex jaraw dak li l-Mulej għarrafhom bih. Dawn in-nies sempliċi li fis-soċjetà ta’ żmienhom kellhom isem ta’ ħallelin, emmnu minnufih dak li qalulhom l-anġli u telqu b’ġirja biex jaraw il-bidu tal-ġrajja tal-fidwa. U x’sabu? Sabu familja ta’ nies sempliċi u foqra b’tarbija tat-twelid f’għar tal-annimali u bit-tarbija mqiegħda f’maxtura. B’danakollu l-fidi tagħhom mhux biss kienet qawwija iżda kienet ukoll attiva: “Kif raw dan, għarrfu b’kulma kien intqal lilhom dwar din it-tarbija...” Il-qawwa u l-ferħ tal-fidi tagħhom ma żammewhomx għalihom iżda għarrfuhom lill-oħrajn. Hekk għandu jġib ruħu n-Nisrani li jrid jgħix twemminu. It-tagħrif ta’ twemminna rridu ngħadduh lill-oħrajn bil-mod kif ngħixuh b’konvinzjoni u bla tidwir. Il-fidi ġagħlet lir-rgħajja “jsebbħu u jfaħħru ’l Alla għal dak kollu li raw u semgħu.” Min għandu d-don tal-fidi ma jistax ma jdurx lejn Alla jroddlu ħajr, iseħħbu u jfaħħru.

ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content