It-Twelid ta' Sidna Ġesù Kristu B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Twelid ta Sidna Ġesù Kristu B
IT-TWELID .... ALLA JINSAB HAWN

Hawn hu Alla. Mhux eżatt kif stennejnieh. Anki jekk issa drajna xi ftit wara elfejn sena ta’ ċelebrazzjonijiet u innijiet tal-Milied. U jekk kellna l-kuraġġ u l-qawwa li nagħmlu daqsxejn ta’ Avvent, jista’ jkun li fl-aħħar dik iż-żagħżugħa li bil-qawwa qed tħaddan l-ewwel wild tagħha ma’ sidirha, tmissilna wkoll qalbna. U llum infakkru dak il-jum, dak it-twelid li kien il-bidu ta’ żmien ta’ salvazzjoni. U jerġa’ jiġi, hekk nemmnu aħna d-dixxipli, fil-milja taż-żmien biex jagħti tifsira lil dan iż-żmien. Iżda issa jiġi f’kull wieħed minna, jerġa’ jitwieled biex iġgħelna nerġgħu nitwieldu. Jekk ikollna l-kuraġġ nilqgħuh. Hija sfida, Alla li jitwieled. Ħajjitna żgur li mhijiex daqshekk ħażina jekk Alla daħal fiha. U Alla għadu ma xebax mill-bniedem la sar bniedem. Alla ġie. Hu l-bniedem li mhux hemm. Id-dawl ġie, iżda d-dlamijiet ma jridux jilqgħuh, lanqas illum. Iżda jekk nissugraw nerġgħu nitwieldu. Jekk sa nirriskjaw. Jekk inħalluh jiġi lil Alla tarbija, jekk jheżhiżna, iħawwadna, jitlobna naċċettawh aħna li nixtiequ Alla li jsolvilna l-problemi, mhux joħloqhomlna!, dan ikun tabilħaqq Milied, twelid. Twelid mill-ġdid, kriżi jew mhux kriżi. Alla jinsab hawn. Nilqgħuh jew ninjorawh tagħmel differenza. Jiena l-għażla tiegħi ili żmien li għamiltha. U rrid nerġa’ nagħmilha.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content