It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu A
ALLA JSIR XI ĦADD LI NISTGĦU NERSQU LEJH
Hawn hu. Alla mfittex, mitlub, offiż, hawn hu. Differenti ħafna minn kif stħajjilnieh aħna, uniku u mhux mistenni. Hawn hu. Tarbija tat-twelid tibki.
Dit-tarbija tbeżża’. Tqajjem l-għadab. Iddejjaq. Tinkwetana wkoll ix-xbieha ta’ Alla, li neħħa l-libsa eterna tiegħu biex jilbes il-libsa mqattgħa u maħmuġa tal-umanità. Jekk neħduh bis-serjetà, il-Milied idaħħalna fi kriżi. Jistaqsina. Alla li jsir xi ħadd li nistgħu nersqu lejh, niltaqgħu miegħu, li jsir tarbija tat-twelid dgħajfa indifiża, iwaqqa’ l-preġudizzji tagħna bla tmiem fuq Alla. Alla mbiegħed. Alla li ma jinteressahx minna. Alla misterjuż u mudlam, ibati bil-burdati u ma jiftihemx. Alla jara u ma jindaħalx, iħalli lit-tfal imutu bil-ġuħ. Alla ma jwaqqafx il-gwerer u lit-terroristi. Alla joqtol bil-kankru lil dik l-omm żagħżugħa u jħalli lill-qattelin jgħixu. Alla jħawwad u jinkwieta. Anki dak tal-Kattoliċi li jemmnu bla ma qatt jistaqsu, bla ma jitniehdu, bla ma joqomsu, bla ma jiddubitaw. Jemmnu bħall-ġebel, mhux sodi, imma berdin u bla ruħ. X’għandu x’jaqsam dan it-tifel li għadu kif tweldilna, li jerda’ l-ħalib minn sider żagħżugħa, mal-idea tal-biża’ ta’ Alla li nġorru f’qalbna? U hawn tinbidel għal dejjem l-idea li għandna ta’ Alla, u ġġegħelna nagħżlu: jew miegħu jew band’oħra, jew dawl jew dlam. U dan hu l-ferħ ta’ dak li ma kienx mistenni, tal-ħlewwa tiegħu.