It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu A
SA MILL-BIDU: MESSIJA SOFFERENTI
San Luqa jagħtina d-dettalji kollha, bil-qagħda storika b’kollox, taċ-ċirkustanzi kollha li wasslu għat-twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu. Skont Luqa, Ġużeppi u Marija kienu diġà marru joqogħdu Nazaret fil-Galilija (skont Mattew marru hemm wara t-twelid). Minn hemm kellhom imorru f’Betleħem tal-Lhudija biex jinkitbu fiċ-ċensiment ta’ Ċesri Awgustu. B’dan il-vjaġġ twil Luqa jwasslilna messaġġ teoloġiku: dan hu l-istess vjaġġ li tletin sena wara Ġesù għamlu b’determinazzjoni biex joffri ħajtu fuq il-Golgota fil-belt ta’ Ġerusalemm. Dan ifisser li dan kellu jkun Messija mhux glorjuż mill-ewwel iżda sofferenti li jsalva l-poplu tiegħu bil-mewt tas-salib. Hu kellu jitwieled f’Betleħem, il-belt ta’ David li hu l-mudell tal-Messija. Iżda meta twieled, ommu “fisqietu u medditu f’maxtura, għax ma kienx hemm post għalihom fil-lukanda.” Sa mill-bidu, id-dinja, li saret bih, ma għarfitux, u meta mar għand niesu, dawn ma laqgħuhx. B’danakollu n-nies sempliċi bħar-rgħajja għarfuh u quddiemhom iddiet il-glorja ta’ Alla. Rawh mimdud f’maxtura (post mnejn jieklu l-annimali) u resqu lejh biex jieklu l-ikel spiritwali, u semgħu l-għanja tal-glorja ta’ Alla u daqu s-sliem mogħti “lill-bnedmin li jogħġbu lilu.”