It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu Ċ
IL-VERB SAR BNIEDEM
Fil-prologu tal-Vanġelu tiegħu San Ġwann jippreżenta l-misteru tal-Inkarnazzjoni bħala misteru etern. Dak li sa mill-bidu kien għand Alla, il-Verb (= il-Kelma) li bih sar kollox, idda bħala dawl qawwi fid-dlam tal-ħolqien imħassar. Din hija d-differenza bejn it-Testment il-Qadim u t-Testment il-Ġdid. Fil-Qadim Alla kien moħbi, ikellem lill-bnedmin permezz tal-fenomeni naturali li quddiemhom dawn kienu jitwerwru. Fil-Ġdid “il-Verb ħa l-ġisem u għammar fostna.” Alla sar bniedem u f’għajnejn il-bnedmin deher dgħajjef... spiċċa msallab. Iżda fid-dgħufija tal-Messija msallab dehret il-qawwa ta’ Alla li ħawdet il-qawwija tad-dinja. Tabilħaqq, il-bluha ta’ Alla hija wisq aqwa minn ħiliet il-bnedmin. Tant li fl-Iben ta’ Alla magħmul bniedem biex iwasslilna l-imħabba bla tarf ta’ Alla, “aħna rajna s-sebħ li għandu mill-Missier bħala Ibnu l-waħdieni, mimli bil-grazzja u l-verità.”