It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu Ċ
ALLA HU IMPREVEDIBBLI GĦAX HU DAQSHEKK MISTERJUŻ
Hawn hu Alla, ngħid lili nnifsi fil-penombra tal-Knisja. Alla għadu ma ddejjaqx bina, jekk irid jitwieled. Issa nitlob għal kulħadd, iżda ma jseħħilhomx joqogħdu lkoll fit-talba fqajra tiegħi. Naħseb f’min qed isofri, f’dan il-lejl, għax ebda anġlu għadu ma qallu li Alla twieled sewwasew għalih. Nitlob għal ħafna, eluf, li ltqajt magħhom din is-sena daqshekk ta’ niket, u għal kif Alla hu tal-għaġeb biex ifassal toroq ġodda għal min jafda fih. Naħseb f’pajjiżna li fih donnu m’hawnx kwiet, u kultant narah li ma fadallux tama, li jaħseb li hu daqshekk medjokri daqskemm jidher, u nitlob lill-Mulej jagħtina rigal: li jfakkarna minn fejn ġejjin u ’l fejn sejrin. Qed nara l-bambin, fil-penombra tal-Knisja. U ngħid lili nnifsi f’liema inkwiet dħalt jien u nimxi wara Alla li minflok isolvili l-problemi, joħloqhomli bil-kotra. Nixtieq irrossu f’dirgħajja, nimlieh bil-bews lil Alla, ngħidlu li nħobbu, għax sewwasew hu imprevedibbli, għax hu daqshekk misterjuż. Il-Milied it-tajjeb, intom li tfittxu lil Alla. Ħallu ’l min isibkom.