It-Twelid ta’ Sidna Ġesù Kristu Ċ
BIEX TAGĦRAF ’L ALLA JEĦTIEĠLEK TKUN TAF TRABBAT QALBEK
Min hu mdorri bl-effetti speċjali, jista’ jkun li ma jintebaħx bil-mogħdija ta’ Alla. Alla, fi Kristu, ibiddel is-sistema. Ma jibqax jidher bis-sinjali tipiċi ta’ kif Alla kien jidher fit-Testment il-Qadim bħal fit-theżiż tal-art, fin-nar jew fis-sajjetti. Alla jidher kif jgħid l-anġlu u kien hemm ħtieġa ta’ struzzjonijiet ġodda biex min ifittex ikun jista’ joqgħod attent x’jara: «Bħala sinjal ikollkom dan: issibu tarbija mfisqija u mimduda f’maxtura.» Biex tagħraf ’l Alla jeħtieġlek tmil, jeħtieġlek tkun taf trabbat qalbek, jeħtieġlek tħaddan id-dgħufija, anki dik tiegħek, għax hu hemm li tidher il-glorja ta’ Alla. Hu hemm li tibda r-rikonċiljazzjoni u l-paċi. Hu hemm li tidher l-imħabba ta’ Alla. Alla bil-wiċċ uman jidher aktar divin għax għandu l-ħila jinfed ir-realtà bla ma jeqridha, għandu l-ħila jkellem, bis-skiet tat-tarbija ta’ Betlehem, l-esperjenzi kollha moħbija tal-eżistenza tagħna u jbiddilhom f’innu ta’ glorja: «Glorja ’l Alla fl-ogħla tas-smewwiet u sliem fl-art lill-bnedmin li hu jħobb.»