It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-Trasfigurazzjoni tal-Mulej
IT-TABOR GĦAL KULĦADD

Illum niċċelebraw it-Trasfigurazzjoni tal-Mulej. Hija silta li tinqara kull sena fir-Randan u fil-bidu ta’ Awwissu. Dis-sena l-festa ħabtet mal-Ħadd, u billi hi festa tal-Mulej, rebħitlu.

Neħtieġu b’mod urġenti li nirkupraw is-sens tal-ġmiel f’ħajjitna. Il-ġmiel huwa qawwa straordinarja li tiġbidna lejn Alla, li fih innifsu huwa armonija, milja, verità. Kemm-il darba ġieni li ngħid lil min jistaqsini għaliex nemmen: it-twemmin ħaġa sabiħa. Hu sabiħ u juri fija u fl-oħrajn il-ġmiel intimu u moħbi li jorbot flimkien il-persuni, il-ġrajjiet, l-emozzjonijiet. Kemm irġiel u nisa fl-istorja resqu lejn il-fidi għax ħassewhom jinġibdu mill-ġmiel ta’ Kristu, mill-umanità tiegħu bla xebh, mill-ħlewwa profonda tiegħu, mill-maturità tiegħu tal-għaġeb. Iva: kemm hu sew li aħna hawn, Mulej, kemm hu sabiħ li nkunu dixxipli tiegħek. It-Tabor qiegħda hemm għal kulħadd, il-waqt li fih, għal ftit tal-ħin, (raptim jgħid Santu Wistin) nagħmlu l-esperjenza assoluta ta’ Alla, l-esperjenza tal-Assolut ta’ Alla. Tabilħaqq: hemm ir-riskju li nibqgħu magħluqin fl-emozzjoni, li nintrabtu wisq mal-perċezzjoni mingħajr ma ninfetħu għall-konsegwenzi li din il-laqgħa jkollha fil-ħajja. L-Appostli, kif niżlu mit-Tabor, kellhom jitilgħu fuq għolja oħra, il-Golgota. Hemm il-fidi tagħhom tkun mitħuna, miżrugħa, imsoffija. Mingħajr emozzjoni, mingħajr ġmiel reali, mingħajr entużjażmu, mhux lakemm temmen, mhux lakemm tibqa’ Nisrani. Id-dinja tagħna teħtieġ il-ġmiel, l-armonija. Id-dinja tagħna tista’ titgħallem mill-Kristjaneżmu l-ġmiel tal-fidi, tat-talb, tas-skiet, tal-imħabba lejn l-aħwa.
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content