It-Tnissil bla tebgħa ta' Marija A
MARIJA NISSLET L-EWWEL F'MOĦĦHA IMBAGĦAD F'ĠUFHA
Fost il-protagonisti tal-Milied, mudell tal-istennija u d-dixxipulat, tispikka l-figura ta’ Omm il-Mulej, li rabtet ħajjitha mar-rieda ta’ Alla li lilna jridilna l-ġid.
U l-anġlu telaq minn ħdejha (Lq 1: 38). Din mhijiex tagħrifa storika bla siwi, iżda deskrizzjoni ta’ dak li kien sa jseħħ. L-anġlu telaq u ma reġa’ ġie qatt aktar. Ebda anġlu, minn issa ’l quddiem, ma mar iqawwi qalb Marija u jsaħħaħha. Issa beda t-taħbit tal-fidi, l-avventura tas-solitudni, id-dixxipulat. Jikteb tajjeb Santu Wistin: Marija nisslet l-ewwel f’moħħha, imbagħad f’ġufha. Kif jiġri lilna. Hemm waqtiet li fihom inħossu l-preżenza ta’ Alla. Waqtiet ta’ qawwa straordinarja, li jistgħu jqallbulna ħajjitna. Iżda huma biss waqtiet li jgħaddu malajr. Il-bqija tbatija, dubju, piena, dixxiplina, taħriġ tar-rieda.
Ebda anġlu ma mar jgħinha. Ħafna jaraw lil Marija bħala mara pprivileġġata. It-tagħrifa aħħarija ta’ Luqa tgħid xi ħaġa differenti. L-ewwel fost dawk li emmnu, Omm id-dixxipli, Marija hija kbira għax tissielet ħajjitha kollha biex l-“iva” li qalet tibqa’ tgħixha fl-għażliet ta’ kuljum. Bħalna, hi wkoll kellha tħabbat wiċċha mal-mixja taż-żmien, filwaqt li f’qalbha żammet sħiħ mal-għażla li għamlet li tgħid is-sejħa ta’ Alla.