It-8 Ħadd matul is-sena Ċ
“MINN FOMM IL-BNIEDEM JOĦROĠ DAK LI JFUR MILL-QALB”
San Luqa jissokta bid-diskors ta’ Ġesù, li fih l-Imgħallem jagħti direzzjoni għall-għajxien lil min irid ikun dixxiplu tiegħu. Wieħed mill-akbar vizzji tal-bnedmin huwa dak li jiġġudikaw lil ħaddieħor bla ma jafu x’hemm f’qalb min jiġġudikaw u bla ma jaraw id-difetti tagħhom u jiġġudikaw lilhom infushom. Ġesù dan ifissru b’lingwaġġ qawwi: agħma jmexxi agħma u t-tnejn jaqgħu fil-ħofra; l-ewwel neħħi t-travu (difett kbir) minn għajnek, u mbagħad tagħraf tneħħi t-tibna (difett żgħir) minn għajn ħuk; kull siġra tingħaraf mill-frott tagħha. Min hu tajjeb minn qalbu joħroġ it-tajjeb, iżda min hu ħażin joħroġ il-ħażen. B’xorti ħażina ħafna minna dan il-kliem ma jeħduhx bis-serjetà u għalhekk għalihom jibqa’ miktub fuq karta u jsir kelma mejta għax ma jgħixuhx.