AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel (7:13-14)
Bil-lejl deherli qiegħed nara bħal iben ta’ bniedem, ġej mis-sħab tas-sema, li baqa’ sejjer sax-Xiħ fl-għomor u ressquh quddiemu.
U tawh ħakma, ġieħ, u saltna, biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien. Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix, u saltnatu li ma tinqeridx..
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kumment dwar il-qari minn Patri Edmund Teuma OFMConv
SALTNA TA’ VERITÀ
Is-sena liturġika tagħlaq bil-festa solenni ta’ Kristu Sultan. Dan ifakkarna li hu l-bidu u t-tmiem ta’ kollox. Aħna ħriġna minnu għax hu l-Kelma li biha sar kollox, u lejh resqin għax kollox irid jinġabar fi Kristu u sa jkun hu li jressaqna lejn il-Missier. San Ġwann fil-Vanġelu joħloq kuntrast bejn Ġesù u Pilatu. Il-gvernatur seta’ jeħilsu kieku ried, iżda għażel li jibqa’ fid-dlam anki meta martu ppruvat tiftaħlu għajnejh. Pilatu beża’ għas-siġġu tas-setgħa u ħalla lil Ġesù jaqa’ f’idejn l-għedewwa tiegħu. Min-naħa l-oħra, Ġesù lil Pilatu għarrfu x’tip ta’ Sultan hu: ma ġiex biex ikun moqdi imma biex jaqdi. Qallu: “Is-Saltna tiegħi mhijiex ta’ din id-dinja... Saltnati mhijiex ta’ hawn.” Ġesù għalhekk ġie fid-dinja: biex ixandar Saltna ta’ verità. Kull min iħobb il-verità jisma’ leħnu. Imma nistaqsu u nwieġbu f’qalbna: aħna tassew inħobbuha l-verità?
IFHEM IL-KELMA - Kumment viżiv minn Patri Elija Vella OFMConv
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
It-tieni ġimgħa tas-salterju
■ It-Tnejn 22 ta’ Novembru: Santa Ċeċilja, Verġni u Martri (TO). Qari: Danjel 1:1-6.8-20; Salm Danjel 3:52-56; Luqa 21:1-4.
■ It-Tlieta 23 ta’ Novembru: Ferja / San Klement I, Papa u Martri (T) / San Kolumbanu, Abbati (T). Qari: Danjel 2:31-45; Salm Danjel 3:57-61; Luqa 21:5-11.
■ L-Erbgħa 24 ta’ Novembru: Sant’Andrija Dung-Lac, Saċerdot u Sħabu, Martri (TO). Qari: Danjel 5:1-6.13-14.16-17.23-28; Salm Danjel 3:62-67; Luqa 21:12-19.
■ Il-Ħamis 25 ta’ Novembru: Ferja / Santa Katerina ta’ Lixandra, verġni u martri (T). Qari: Danjel 6:12-28; Salm Danjel 68-74; Luqa 21:20-28.
■ Il-Ġimgħa 26 ta’ Novembru: Ferja. Qari: Danjel 7:2-14; Salm Danjel 3:75-81; Luqa 21:29-33.
■ Is-Sibt 27 ta’ Novembru: Ferja / Sidtna Marija f’jum is-Sibt (T). Qari: Danjel 7:15-27; Salm Danjel 3:82-87; Luqa 21:34-36.
TO = Tifkira obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur tad-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.