Go to content

It-33 Ħadd matul is-sena - Jum il-Mulej

Skip menu
Title
Skip menu
AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel (12:1-3)

F’dak iż-żmien iqum Mikiel, il-prinċep il-kbir, dak li qiegħed fuq ulied il-poplu tiegħek.
Imbagħad jiġi żmien ta’ għawġ, li qatt ma jkun deher ieħor bħalu minn mindu ġens kien ġens sa dak iż-żmien. Imma jkun żmien li fih il-poplu tiegħek jinħeles, dawk kollha li jkunu nstabu miktuba fil-ktieb. U ħafna minn dawk li huma rieqda fit-trab tal-art jistenbħu, min għall-ħajja ta’ dejjem u min għall-għajb u l-istmerrija għal dejjem.
Il-bnedmin bil-għaqal ikollhom fuqhom dija bħal dik tas-sema, u dawk li jkunu wasslu ’l ħafna fis-sewwa jkunu jiddu bħal kwiekeb għal dejjem ta’ dejjem.
Il-Kelma tal-Mulej.       Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kumment dwar il-qari minn Patri Edmund Teuma OFMConv
IL-MULEJ FIL-QRIB

Ninsabu fit-tmiem tas-sena liturġika u s-siltiet tal-Iskrittura jridu jfakkruna li kull mibdi mitmum. Kemm San Mark fil-Vanġelu u kemm il-profeta Danjel fl-ewwel qari jfissru ħsibijiethom bi stil ta’ kitba letterarja li tissejjaħ apokalittika, li fl-Iskrittura nsibuh f’bosta bnadi. Huwa stil ta’ kitba li jbeżża’ lil min mhux midħla tiegħu, u aktarx li kien jintuża fi żminijiet ta’ dwejjaq u persekuzzjoni. Kemm f’Danjel u kemm fil-Vanġelu ma għandniex deskrizzjoni ta’ kif sa tintemm id-dinja u kif sa sseħħ it-tieni miġja tal-Mulej, imma dawn huma biss espressjonijiet u impressjonijiet letterarji ta’ dak li tħoss komunità li tkun għaddejja minn żmien ikrah. Il-messaġġ ta’ San Mark huwa wieħed ta’ tama li ma jbeżżax iżda jqawwi l-qalb: “il-Mulej fil-qrib” u l-kwiekeb, li fost l-oħrajn, kienu meqjuma mill-pagani (= l-idolatrija) għad jaqgħu u jiġu fix-xejn quddiem Bin il-Bniedem. Il-fidi Nisranija hija mħarsa mill-Mulej, ma għandhiex minn xiex tibża’.
IFHEM IL-KELMA - Kumment viżiv minn Patri Elija Vella OFMConv
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
L-ewwel ġimgħa tas-salterju
It-Tnejn 15 ta’ Novembru: Ferja / Sant’Albert il-Kbir, Isqof (T). Qari: 1Makkabin 1:10-15.41-43.54-57.62-64; Salm 118:53.61.134.150.155.158; Luqa 18:35-43.
It-Tlieta 16 ta’ Novembru: Ferja / Santa Margerita tal-Iskozja (T) / Santa Ġertrude, Verġni (T). Qari: 2Makkabin 6:18-31; Salm 3:2-7; Luqa 19: 1-10.
L-Erbgħa 17 ta’ Novembru: Santa Eliżabetta tal-Ungerija (TO). Qari: 2Makkabin 7:1.20-31; Salm 16:1.5-6.8.15; Luqa 19:11-28.
Il-Ħamis 18 ta’ Novembru: Ferja / Id-Dedikazzjoni tal-Bażilki ta’ San Pietru u San Pawl (T). Qari: 1Makkabin 2:15-29; Salm 49:1-2.5-6.14-15; Luqa 19:41-44.
Il-Ġimgħa 19 ta’ Novembru: Ferja. Qari: 1Makkabin 4:36-37.52-59; Salm 1Kronaki 29:10-12; Luqa 19:45-48.
Is-Sibt 20 ta’ Novembru: Ferja / Sidtna Marija f’jum is-Sibt (T). Qari: 1Makkabin 6:1-13; Salm 9:2-4.6.16.19; Luqa 20:27-40.

TO = Tifkira obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur tad-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.


ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content