It-33 Ħadd matul is-sena - Sena B
IL-MULEJ FIL-QRIB
Fr Edmund Teuma
Ninsabu fit-tmiem tas-sena liturġika u s-siltiet tal-Iskrittura jridu jfakkruna li kull mibdi mitmum. Kemm San Mark fil-Vanġelu u kemm il-profeta Danjel fl-ewwel qari jfissru ħsibijiethom bi stil ta’ kitba letterarja li tissejjaħ apokalittika, li fl-Iskrittura nsibuh f’bosta bnadi. Huwa stil ta’ kitba li jbeżża’ lil min mhux midħla tiegħu, u aktarx li kien jintuża fi żminijiet ta’ dwejjaq u persekuzzjoni. Kemm f’Danjel u kemm fil-Vanġelu ma għandniex deskrizzjoni ta’ kif sa tintemm id-dinja u kif sa sseħħ it-tieni miġja tal-Mulej, imma dawn huma biss espressjonijiet u impressjonijiet letterarji ta’ dak li tħoss komunità li tkun għaddejja minn żmien ikrah. Il-messaġġ ta’ San Mark huwa wieħed ta’ tama li ma jbeżżax iżda jqawwi l-qalb: “il-Mulej fil-qrib” u l-kwiekeb, li fost l-oħrajn, kienu meqjuma mill-pagani (= l-idolatrija) għad jaqgħu u jiġu fix-xejn quddiem Bin il-Bniedem. Il-fidi Nisranija hija mħarsa mill-Mulej, ma għandhiex minn xiex tibża’.