It-33 Ħadd matul is-sena A
Mhux l-ewwel darba li Ġesù fil-Vanġelu jistedinna nishru jiġifieri ngħassu fuqna nfusna aħna u nistennewh ġej. Fil-parabbola li nsibu fis-silta, Ġesù jgħidilna kif għandha tkun l-għassa tagħna. Ma jridniex ma nagħmlu xejn aħna u nistennewh ġej, iżda jridna nħaddmu s-sejħa u t-talenti kollha li Alla tana għall-ġid tagħna nfusna, tal-Knisja u tad-dinja. Fil-parabbola tintuża l-kelma “talent”, somma kbira ta’ flus li tlaħħaq l-eluf ta’ ewro. Dan ifisser li d-doni u l-ħiliet li tana Alla biex inħaddmuhom huma tabilħaqq prezzjużi ħafna. Dawn it-talenti mhumiex tagħna, imma jinsabu mislufin għandna. Kull Nisrani u kull komunità Nisranija għandhom iħossu l-ħtieġa li ma jingħalqux fihom infushom, iżda jħabirku biex jagħmlu l-frott u jitħabtu b’risq it-tixrid tas-Saltna ta’ Alla mibnija fuq il-ġustizzja u l-imħabba. Din is-Saltna hija Kristu nnifsu.