It-33 Ħadd matul is-sena - Sena A
TLETT TALENTI MPORTANTI
Tant aħna maħkumin mill-ħajja ta’ kuljum li ma jseħħilna, kważi qatt, nagħtu direzzjoni lil ħajjitna, kif qegħdin ninġarru mal-kurrent tal-ġlieda għall-għajxien. Iżda nistgħu nazzardaw infittxu mod ieħor ogħla ta’ għajxien, aħna u nagħmlu l-istess ħwejjeġ.
Mhux bħal Luqa, Mattew iżid xi sfumaturi mal-parabbola li jdawruha lejn il-komunità li tiċċelebra dan il-Vanġelu. It-talent, għal Mattew, mhuwiex don li rċevejna għall-ġid komuni, kif jagħtina minnufih li naħsbu, iżda don għażiż li l-Mulej jagħti lil kull wieħed u li kull wieħed minna hu msejjaħ biex iġagħlu jagħmel il-frott skont il-ħiliet tiegħu, ħiliet li, għalhekk, diġà jinsabu għandna. Is-sid jafda lill-qaddejja: ma jgħidilhomx x’għandhom jagħmlu, hija l-ħila tagħhom li ġġiegħel lit-talenti jagħmlu l-frott, u mhux, kif iridna nifhmu Luqa, kwalità li tinsab fit-talent. Inżommu f’moħħna li t-talent huwa don kbir! Biex naraw kemm hu kbir, talent jiswa daqs paga ta’ għoxrin sena xogħol ta’ ħaddiem. U ġara hekk: l-ewwel żewġ qaddejja għamlu qligħ mit-talent, irraddoppjawlu l-valur. Fl-interpretazzjoni ta’ San Mattew x’inhuma t-talenti? Huma d-doni għeżież li Ġesù jagħti lill-komunità Nisranija: il-Kelma, is-sagramenti, ir-raġunament il-ġdid tal-Vanġelu, il-Knisja. Huma doni għeżież li biddlu l-ħajja u li aħna msejħin biex inġagħluhom jagħmlu l-frott, mhux inħalluhom jimmuffaw. X’diqa xħin naraw il-komunitajiet tagħna jagħmlu bħat-tielet qaddej li difen it-talent tal-Mulej taħt imniezel ta’ regolamenti u ritwali ta’ barra!