It-33 Ħadd matul is-sena Ċ
KULL MIBDI MITMUM
Is-silta tfakkarna li kull ħaġa maħluqa, li kellha bidu fiż-żmien, għad tiġi fi tmiemha. Anki din id-dinja bit-tiżjin kollu tagħha għad tintemm jew tinbidel b’tali mod li ma tibqax tingħaraf. Din hi l-mixja li jkollu jgħaddi minnha kull maħluq. Iżda nafu li l-bniedem, li hu xbieha ta’ Alla għax għandu ruħ spiritwali, sa jibqa’ jgħix għal dejjem fi ħdan il-Mulej, anki wara mewtu. F’din is-silta Ġesù mhuwiex jipprofetizza u jħabbar minn qabel il-ġrajjiet li sa jseħħu fi tmiem id-dinja, iżda qiegħed iwissi x’għad jiġri minn Ġerusalemm u t-tempju tagħha meta r-Rumani, fi żmien l-imperatur Titu, fis-sena 70, ħarbtuha u qerdu t-tempju maestuż tagħha, li kien il-glorja tal-Lhud. Luqa jqiegħed ukoll fuq fomm Ġesù kliem ta’ twissija dwar dak li kellu jiġri fil-persekuzzjoni ta’ Neruni, l-imperatur Ruman, kontra l-Insara, bejn is-snin 64-67. Tant kienet qawwija u ta’ diqa dik il-persekuzzjoni li għalihom kien qisu wasal tmiem id-dinja. Huma tabilħaqq ittieħdu quddiem il-mexxejja politiċi u taw xhieda ta’ mħabbithom lejn Kristu u xerrdu demmhom għalih. U t-tradituri tal-Insara xi drabi kienu l-istess ġenituri, aħwa, qraba u ħbieb, li ma laqgħux lil Ġesù f’ħajjithom. Illum ukoll l-Insara jinsabu għaddejjin minn persekuzzjoni qalila, mhux biss għax f’xi nħawi tad-dinja qed isibu ’l min joqtolhom għax huma Nsara, imma għax kullimkien fid-dinja qed isibu ambjent anti-Kristjan. Aħna x’sa nagħmlu f’din is-sitwazzjoni: sa nibqgħu nagħtu xhieda qalbiena ta’ Kristu jew sa ninġarru mal-kurrent?