It-33 Ħadd matul is-sena Ċ
ĦARES U TAQTAX QALBEK
F’dan il-Ħadd qabel l-aħħar wieħed tas-sena liturġika, San Luqa jkellem lill-komunità tiegħu u tagħna dwar l-aħħar żminijiet. Dawk diġà bdew. Ma jitkellimx dwar it-tmiem iżda dwar l-għan. Mhux dwar it-taqliba tal-biża’ li ġejja fuq id-dinja iżda dwar is-sens tal-istorja. Dwar kif għandna naqrawha u nifhmuha. San Luqa qed jevanġelizza komunità għaddejja mill-persekuzzjoni, milquta bil-qerda ta’ Ġerusalemm u tat-tempju, imbeżżgħa b’dik il-mewġa ta’ mibegħda li qanqal Neruni. Sa nintilfu? Bdew jistaqsu l-parruċċani tiegħu, wasal it-tmiem? Le, jgħid Ġesù, ibqgħu fis-sliem. Dawn mhumiex is-sinjali tat-tmiem, kif issib lil xi predikatur jgħid. Dawn mhumiex is-sinjali ta’ dinja riesqa lejn it-tmiem. U bit-tbissima l-Imgħallem jgħidilna: biddel fehmtek. Biddel lilek innifsek. Biddel id-dinja. Ħares lejn il-ħwejjeġ pożittivi, lejn il-ħafna mħabba li l-bniedem, minkejja kollox, iseħħlu jipproduċi, lejn l-għaġeb li jqajjem il-Ħolqien li jagħti dimensjoni ġdida lil kollox, lejn is-Saltna li qed tikber fl-qlub, Saltna mistħija, meqjusa, mogħnija bis-sliem. Ħares lejk innifsek, għażiż ħija, lejn dak kollu li l-Mulej seħħlu jagħmel tul is-snin kollha ta’ ħajtek, minkejja kollox. Ħares lejn l-imħabba kollha li tajt u rċevejt, minkejja kollox. Ħares lejk innifsek u lejn il-ħidma kbira ta’ Alla, lejn id-dehra tax-xemx, lejn il-ġid u l-ġmiel li ħalaq fik. Ħares u taqtax qalbek.