AQRA L-KELMA - Il-liturġija tal-Kelma
L-EWWEL QARI
Qari mill-Ewwel Ktieb tas-Slaten (17:10-16)
F’dak iż-żmien, il-profeta Elija qam u rħielha lejn Sarefta. Kif wasal ħdejn bieb il-belt, kien hemm waħda armla tiġbor il-ħatab. Elija sejħilha u qalilha: «Jekk jogħġbok, ġibli f’bieqja belgħa ilma x’nixrob.»
Hi u sejra, Elija raġa’ sejħilha u qalilha: «Ġibli wkoll, jekk jogħġbok, kisra ħobż f’idek.» Hija wieġbet: «Daqskemm hu ħaj il-Mulej, Alla tiegħek, ma għandi xejn maħbuż; qabda dqiq f’ġarra u ftit żejt filkus kulma baqagħli. Ara, qiegħda niġbor biċċtejn ħatab; issa nħejji xi ħaġa għalija u għal ibni; u mbagħad nikluha u mmutu.»
Elija wieġeb: «La tibżax, mur u agħmel kif għidtli: imma qabel agħmel ftira żgħira għalija, u ġibhieli. Imbagħad agħmel għalik u għal ibnek. Għax din hi l-kelma tal-Mulej, Alla ta’ Israel: Il-ġarra tad-dqiq ma tintemm qatt, u l-kus taż-żejt ma jitbattalx, sa dakinhar li l-Mulej jibgħat ix-xita fil-pajjiż.»
U dik marret u għamlet kif qalilha Elija. Damu jieklu għal żmien, hi u hu, u darha kollha. U l-ġarra tad-dqiq ma ntemmitx, u l-kus taż-żejt ma tbattalx, kif kien qal il-Mulej permezz ta’ Elija.
Il-Kelma tal-Mulej. Irroddu ħajr lil Alla.
IFHEM IL-KELMA - Kumment dwar il-qari minn Patri Edmund Teuma OFMConv
MA NKUNUX AĦNA WKOLL BĦALL-“KITTIEBA”
Attenti, għax dak li qal Ġesù llum għall-kittieba nistgħu naqgħu fih aħna wkoll! Min kienu l-kittieba? Fi żmien Ġesù ma kinux għadhom ivvintaw l-istamperija u għalhekk il-Bibbja kien hemm nies imħarrġin apposta biex jikkupjawha bl-idejn b’reqqa kbira, biex b’hekk joħolqu kopji biżżejjed biex jintużaw l-aktar nett fil-liturġija tat-tempju u fis-sinagogi. Dawn biż-żmien kienu saru esperti kbar mhux biss fl-ikkupjar tal-Bibbja, imma fil-mod kif din għandha titfisser. Fi kliem ieħor, nistgħu nħarsu lejhom bħala t-teoloġi ta’ dak iż-żmien. Tant kienu saru esperti fil-qari u t-tifsir tal-Iskrittura, li fl-aħħar din kienu għamluha tagħhom u kienu jdawru t-tifsir tagħha kif jaqbel lilhom. Fis-silta San Mark jgħid li Ġesù xela lill-kittieba li kienu jibilgħu flus ir-romol. Il-mara li kienet tisfa armla dak iż-żmien kienet issib ruħha waħedha mingħajr ebda għajnuna finanzjarja u kellha toħroġ tittallab jew tagħmel xogħlijiet bla ġieħ biex taqla’ x’tiekol, u għalhekk kienet taqa’ fil-għajb. Il-Kittieba kienu jfittxu n-nisa romol għax mingħandhom kien iseħħilhom jieħdu xi għotjiet ta’ flus taparsi f’isem Alla. Jista’ jkun li aħna nagħmlu xi ħaġa tixbah lil din meta tant irrabbu kunfidenza li nibdew naħsbu li dak li jsir fil-Knisja huwa tagħna u nistgħu ninqdew bih biex inkażbru lil nies li ma jogħġbuniex għax forsi ma jaħsbuhiex għalkollox kif naħsbuha aħna. U nibdew nikkundannaw bla ħniena. Ġesù jfaħħar l-armla tal-Vanġelu għax fqira, umli, bla pretensjonijiet u ġeneruża. Ma ħarsitx lejn l-oħrajn biex tara x’tagħmel u taqla’ t-tifħir, imma kienet moħħha biss fiha nfisha, għarfet ix-xejn tagħha u lill-Mulej offrietlu kulma kellha biex tgħix.
IFHEM IL-KELMA - Kumment viżiv minn Patri Elija Vella OFMConv
GĦIX IL-KELMA - Il-Kalendarju Liturġiku tal-ġimgħa
Ir-raba’ ġimgħa tas-salterju
■ It-Tnejn 8 ta’ Novembru: Ferja. Qari: Għerf 1:1-7; Salm 138:1-10; Luqa 17:1-6.
■ It-Tlieta 9 ta’ Novembru: Dedikazzjoni tal-Bażilka tal-Lateran (F). Qari: Eżekjel 47:1-2.8-9.12 jew 1 Korintin 3:9-11.16-17; Salm 45:2-3.5-6.8-9; Ġwanni 2:13-23.
■ L-Erbgħa 10 ta’ Novembru: Sant’Iljun il-Kbir, Papa u duttur tal-knisja (TO). Qari: Għerf 6:1-11; Salm 81:3-4.6-7; Luqa 17:11-19.
■ Il-Ħamis 11 ta’ Novembru: San Martin ta’ Tours, Isqof (TO). Qari: Għerf 7:22-8:1; Salm 118:89-91.130.135.175; Luqa 17:20-25 jew Isaija 61:1-3; Salm 80:2-5.21-22.25.27; Mattew 25:31-40.
■ Il-Ġimgħa 12 ta’ Novembru: San Ġosafat, Isqof u Martri (TO). Qari: Għerf 13:1-9; Salm 18:2-5; Luqa 17:26-37.
■ Is-Sibt 13 ta’ Novembru: Ferja / Sidtna Marija f’jum is-Sibt (T). Qari: Għerf 18:14-16.19: 6-9; Salm 104:2-3.36-37.42-43; Luqa 18:1-8.
F = Festa; TO = Tifkira obbligatorja; T = Tifkira.
Il-kulur tad-data jindika l-kulur liturġiku tal-ġurnata.