It-32 Ħadd matul is-sena - Sena B
MA NKUNUX AĦNA WKOLL BĦALL-“KITTIEBA”
Attenti, għax dak li qal Ġesù llum għall-kittieba nistgħu naqgħu fih aħna wkoll! Min kienu l-kittieba? Fi żmien Ġesù ma kinux għadhom ivvintaw l-istamperija u għalhekk il-Bibbja kien hemm nies imħarrġin apposta biex jikkupjawha bl-idejn b’reqqa kbira, biex b’hekk joħolqu kopji biżżejjed biex jintużaw l-aktar nett fil-liturġija tat-tempju u fis-sinagogi. Dawn biż-żmien kienu saru esperti kbar mhux biss fl-ikkupjar tal-Bibbja, imma fil-mod kif din għandha titfisser. Fi kliem ieħor, nistgħu nħarsu lejhom bħala t-teoloġi ta’ dak iż-żmien. Tant kienu saru esperti fil-qari u t-tifsir tal-Iskrittura, li fl-aħħar din kienu għamluha tagħhom u kienu jdawru t-tifsir tagħha kif jaqbel lilhom. Fis-silta San Mark jgħid li Ġesù xela lill-kittieba li kienu jibilgħu flus ir-romol. Il-mara li kienet tisfa armla dak iż-żmien kienet issib ruħha waħedha mingħajr ebda għajnuna finanzjarja u kellha toħroġ tittallab jew tagħmel xogħlijiet bla ġieħ biex taqla’ x’tiekol, u għalhekk kienet taqa’ fil-għajb. Il-Kittieba kienu jfittxu n-nisa romol għax mingħandhom kien iseħħilhom jieħdu xi għotjiet ta’ flus taparsi f’isem Alla. Jista’ jkun li aħna nagħmlu xi ħaġa tixbah lil din meta tant irrabbu kunfidenza li nibdew naħsbu li dak li jsir fil-Knisja huwa tagħna u nistgħu ninqdew bih biex inkażbru lil nies li ma jogħġbuniex għax forsi ma jaħsbuhiex għalkollox kif naħsbuha aħna. U nibdew nikkundannaw bla ħniena. Ġesù jfaħħar l-armla tal-Vanġelu għax fqira, umli, bla pretensjonijiet u ġeneruża. Ma ħarsitx lejn l-oħrajn biex tara x’tagħmel u taqla’ t-tifħir, imma kienet moħħha biss fiha nfisha, għarfet ix-xejn tagħha u lill-Mulej offrietlu kulma kellha biex tgħix.