It-32 Ħadd matul is-sena A - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-32 Ħadd matul is-sena A
ĦEJJU RUĦKOM GĦAX MA TAFUX META

“Is-Saltna tas-Smewwiet inxebbhuha...” jew aħjar “Jiena nixbah...” Bil-parabbola tal-għaxar xebbiet, Ġesù jwissina biex inżommu ruħna mħejjija għal meta jiġi jħabbtilna l-bieb biex niftħulu minnufih u miegħu nidħlu għall-festa fl-eternità. Hu sa jiġi żgur, imma meta u x’ħin ma nafux. Għalhekk it-tħejjija. Għax jista’ jsibna moħħna band’oħra u ma nisimgħuhx meta jħabbat... iżda hu jidħol xorta, niftħulu u ma niftħulux. Iżda ħażin għalina jekk ma niftħulux għax nibqgħu bix-xewqa tiegħu għall-eternità u qatt ma nkunu nistgħu nilħquh. Dan hu l-infern: tħossok imxennaq għas-sliem tal-Mulej u dan qatt ma tista’ tilħqu. U kif għandha tkun it-tħejjija? Neżaminaw lilna nfusna, naraw x’għandna f’ħajjitna, x’hemm konkret... hemm Ġesù? Jew hemm kollox minbarra Ġesù? Hemm il-prinċipji tal-Vanġelu jew hemm il-flus li jixtru kollox barra lil Ġesù? Ejjew naraw iż-żejt fiex inhu. Jista’ jkun li nixef qoxqox. Jista’ jkun li għandna ftit wisq. Mela ejja nwarrbu minn ħajjitna dak kollu li jbegħedna mill-Mulej u nistgħu nibqgħu ċerti li nkomplu nkunu qrib tiegħu, b’mod aqwa minn issa, anki wara li jħabbtilna u niftħulu.



ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content