It-32 Ħadd matul is-sena - Sena A
IL-MULEJ SA JASAL
Billi Israel fil-Bibbja hi msejjaħ għarusa, it-tifsira tal-parabbola li smajna minn fomm Ġesù hija ċara: fost is-semmiegħa li kellu quddiemu wħud huma bħax-xebbiet għorrief, filwaqt li oħrajn huma bħal dawk boloh; uħud, jiġfieri, jilqgħu lil Ġesù bħala għarus u Messija, oħrajn le.
Mattew għamel għall-komunità tiegħu dak li qed nagħmel jien għalikom: jagħmel il-Kelma attwali. Kif jidher fl-Ittri ta’ San Pawl, il-komunitajiet Insara kienu jistennew b’ħerqa l-miġja tal-Messija minn waqt għal ieħor. Uħud, saħansitra, ma kinux baqgħu jaħdmu! Iżda, xħin raw li l-Mulej beda jiddawwar, uħud mid-dixxipli refgħu l-qlugħ u ntelqu mal-kurrent. Għalilhom, u mhux għal Israel intqalet din il-parabbola iebsa. Aħna l-Insara, xħin naraw il-Mulej jiddawwar, u sa narawh jiddawwar aktar, nirriskjaw li nieħdu nagħsa profonda. Id-dinja riesqa lejn il-qerda u aħna, flok ninsistu u nibqgħu fidili, inċedu quddiem il-qerq tad-dinja u nsiru Nsara bingħas. Ir-riskju hemm jibqa’, dan narawh ċar. Komunitajiet staġnati bid-drawwiet, li mhux biss mhumiex jistennew il-Messija jasal, imma lanqas ma għadhom jiftakru li għandu jasal, jgħixu fid-dinja mgħarrqin għalkollox fir-raġunamenti tagħha. Il-fidi saret biss sħubija kulturali u ħadd mhu qed ibiddel ħajtu fi profezja għal dinja ġdida. Hekk suppost li għandha tkun il-komunità tagħna, il-Knisja tagħna, magħmula minn nies sempliċi u modesti li għadhom jafu jżommu l-musbieħ tat-tama mixgħul f’did-dalma kollha li ħaddnet lid-dinja.