It-32 Ħadd matul is-sena Ċ
ALLA HU ALLA TAL-ĦAJJIN
Biex nifhmu l-polemika li qamet bejn Ġesù u s-Sadduċej, meta dawn ressqulu każ estrem li jnissel tbissima jekk mhux ukoll id-daħk, irridu nifhmu min kienu s-Sadduċej. Dawn fil-biċċa l-kbira kienu membri tal-aristokrazija Lhudija. Fi żmienhom, biex iżommu l-prestiġju tagħhom għoli, kienu adattaw ruħhom għall-ħakma Rumana, u għalhekk kienu meqjusin bħala tradituri. Is-Sadduċej ma kinux jemmnu fil-ħajja taż-żmien li ġej u fil-qawmien mill-imwiet (kunċetti li fil-ħsieb Lhudi daħlu biss ftit aktar minn mitt sena qabel Kristu), u kienu tal-fehma li l-Iskrittura torbot biss fl-ewwel ħames kotba tal-Bibbja (il-Pentatewku). Ma għandniex, għalhekk, neħduha bi kbira li xi darba jew oħra kien sa jkollhom xi jgħidu ma’ Ġesù, li kien qed jgħallem li l-bnedmin ma jintemmux mal-mewt iżda jidħlu f’dimensjoni eżistenzjali oħra, differenti għalkollox minn dik ta’ issa għax hi kollha kemm hi spiritwali, u “jkunu bħall-anġli”. Ġesù jġib prova qawwija biex biha jsaħħaħ tagħlimu: Alla mhuwiex Alla tal-mejtin, iżda tal-ħajjin għax hu Alla ta’ Abraham, ta’ Iżakk u ta’ Ġakobb, u għax hu Alla li jagħti l-ħajja u għalih kulħadd jgħix.