It-32 Ħadd matul is-sena Ċ
FIDUĊJA F’ALLA DINAMIKU U ĦAJ
Għadna kemm iċċelebrajjna t-tifkira tal-mejtin tagħna mdawla bil-festa tal-qaddisin kollha. U llum, il-Kelma, bil-ħlewwa tistedinna nirriflettu fuq id-destin tagħna. U tibda bl-aktar każ assurd tal-Vanġelu kollu.
Il-każ hu tad-daħk: mara li tormol seba’ darbiet, tiżżewweġ seba’ aħwa (tistħajjilhiex xi film mużikali din l-istorja!) iżda tibqa’ bla wlied; meta tqum mill-mewt mart min minnhom tkun? Kieku l-ħajja wara l-mewt, kif kienu jemmnu l-Farżej, kienet it-titwil tal-ħajja f’din id-dinja, żgur li kienet tkun kustjoni kumplessa. Iżda Ġesù l-kustjoni jeħodha fuq pjan ieħor. Hu jistieden lis-semmiegħa jerfgħu ħarsithom minn viżjoni li tixħet lil hinn mill-mewt l-inkwiet kollu tal-ħajja f’din id-dinja. Id-dimensjoni ta’ Ġesù hi ġdida: il-qawmien, li fih jemmen, mhuwiex l-issoktar tar-rabtiet ta’ din il-ħajja, iżda dimensjoni ġdida, milja mibdija u qatt mitmuma, li ma xxejjinx l-imħabbiet. Fis-saltna nagħrfu ’l xulxin, iżda nkunu lkoll f’Kollox! Aħna uniċi quddiem Alla, ma nkunux riċiklati, u l-ħajja mhijiex kastig li minnu rridu naħarbu, iżda opportunità li fiha nagħrfu lilna nfusna! U dan iwassalna biex ikollna fiduċja f’Alla dinamiku u ħaj.