It-30 Ħadd matul is-sena B - Jum il-Mulej

Title
Go to content
It-30 Ħadd matul is-sena B

ID-DLAM U D-DAWL

Dawn il-ġrajjiet tal-Vanġelu wieħed jista’ jeħodhom talli huma: ġrajjiet storiċi mill-ħajja ta’ Ġesù, u jieqaf hemm. F’dan il-każ Ġesù jagħti d-dawl lil Bartimew li kien agħma. Mela dan hu wieħed mill-ħafna mirakli li Ġesù għamel f’ħajtu. Iżda jekk rakkonti bħal dawn naqrawhom b’aktar reqqa u għaqal, malajr nintebħu li huma mimlijin b’simboli li jagħtu lill-qari tagħhom tifsira wisq aktar profonda li għandha siwi kbir għal ħajjitna bħala dixxipli. Bartimew bin Timew kien agħma, iżda mhux mit-twelid. Lil Ġesù qallu: “Li nerġa’ nara...” Huwa l-bniedem li għandu d-dawl tal-fidi, iżda li f’daqqa waħda jsib ruħu fid-dlam tad-dnub. Hu l-bniedem tal-fidi. Lil Ġesù qallu: “Ġesù, bin David, ikollok ħniena minni!” Kien jemmen li Ġesù hu l-Messija (“bin David” = Messija) u kien ċert li kien sa jħenn għalih. Ħafna bdew jgħajtu miegħu biex isikktuh. In-nies tad-dinja kif jarawk iddur lejn Ġesù jippruvaw ifixkluk. Iżda l-fidi ta’ Bartimew f’Ġesù tant kienet qawwija li bla ma qata’ qalbu baqa’ jgħajjat. U meta Ġesù sejjaħlu, “tajjar il-mantar minn fuqu, qabeż fuq riġlejh u mar ħdejh.” Il-fidi tiegħu kienet imħeġġa u mkebbsa. U Ġesù fejqu, reġa’ tah id-dawl... u Bartimew baqa’ miexi warajh. Ma taħsbux li din hija l-istorja tagħna lkoll?
ĊAK Ltd. Triq S. Sommier, Birkirkara BKR4611- MALTA
Tel: +00 356 21 498 343  | jim@cakmalta.org
© Copyright ĊAK Ltd. Malta 2023 - All right reserved.
Back to content