It-30 Ħadd matul is-sena B
IR-RIEDA U L-KUXJENZA
Tnejn huma l-kwalitajiet li ġiegħlu lil Ġesù jidħol fil-ħajja tal-agħma Bartimew: ir-rieda sħiħa u l-kuxjenza safja. Fejn tidħol ir-rieda sħiħa, sikwit jiġrilna fil-ħajja ġewwiena tagħna dak li ġara lill-agħma fil-ħajja li tidher minn barra. Mhux dejjem ikun hemm xi ħadd minn barra li jfixkel it-talb tiegħi, imma minn ġewwa iva. Huma dawk l-ilħna li jtellfuni l-fiduċja fija nnifsi jew, agħar, il-fiduċja fil-Mulej. Huma ilħna li jgħidu: «Int min int biex jistħoqqlok li Alla jisimgħek?!» Fejn tidħol, imbagħad, il-kuxjenza safja, jolqotna kif Bartimew kellu lesta l-kuxjenza tal-ħtieġa partikulari tiegħu. «Xi tridni nagħmillek?» staqsieh Ġesù. U l-agħma, bla dewmien, wieġeb: «Li nerġa’ nara, Rabbuni.» Mhux dejjem, Mulej, inkun bħal Bartimew li għall-mistoqsija tiegħek kien jaf x’kien jeħtieġ, għaraf dlamijietu u xtaq dawlek. Kultant it-talb tiegħi hu dgħajjef għax ma nafx kemm neħtieġek, għax ma għandix għarfien veru tal-għatx li għandi għalik. Fejjaqli l-għatx, ġerraħli ruħi biex tiġri lejk bħal ċerv għatxan li jiġri għall-ilma.