It-3 Ħadd tar-Randan B
Din id-darba naraw lil Ġesù f’qagħda mhux tas-soltu. Illum il-Mulej jidher mimli bil-ħeġġa għal dar Missieru, li l-bnedmin kienu biddluha f’suq, bl-istorbju u l-ħmieġ li dan iġib miegħu. Il-ħeġġa tiegħu Ġesù juriha b’mod li jista’ jissejjaħ “drammatiku” jekk mhux ukoll “vjolenti”. Xi studjużi jaħsbu li kien fuq dan l-episodju li l-mexxejja tal-Lhud qatgħuha li joqtlu lil Ġesù. L-episodju kollu jurina li Ġesù ġie biex isaffi l-qima li l-poplu kien jagħti lil Alla, u jipperfezzjona l-liġi li biha kellu jitħares il-patt il-ġdid. Mela minn issa ’l quddiem moħħna ma għandux ikun fis-sbuħija tat-tempju tal-ġebel, iżda fil-persuna ta’ Ġesù li għalina sar it-tempju li fih niltaqgħu mal-Missier. Hu stess qal: “Min jara lili jkun ra lill-Missier” u “Jien u l-Missier aħna ħaġa waħda.” Il-bnedmin dan it-tempju ppruvaw iħottuh, iżda wara tlitt ijiem hu qam mill-imwiet u kiseb isem li hu fuq kull isem, filwaqt li sar għalina tempju glorjuż li fih naduraw lil Alla fl-ispirtu u l-verità.